Sunday, October 27, 2024

Illum jaħbat is-70 anniversarju mit-traġedja ta’ Pace u Grasso

Kienu tilfu ħajjithom żewġ partitarji ta' Hibernians

Aqra wkoll

Illum jaħbat is-70 anniversarju mit-traġedja li fiha tilfu ħajjit­hom żewġ partitarji ta’ Hibernians, Victor Pace u Harry Grasso.

Din it-traġedja seħħet wara t-tieni replay tal-finali tal-FA Trophy ta’ nhar it-8 ta’ Ġunju, 1952. Kienu Sliema Wanderers li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.

Fi triqithom lura lejn Raħal Ġdid mill-Empire Stadium, il-partitarji għaddew mill-Msida lejn il-Pietá u meta waslu fix-xatt ta’ din il-lokalitá,  fuq in-naħa opposta fejn kien sorġut l-HMS Forth, ġara dak li ħadd ma kien qed jistenna. 

Trakk li kien qed iġorr  partitarji ta’ Hibernians kellu wkoll bosta murtali li kienu se jintużaw li kieku l-Pawlisti ħarġu rebbieħa f’din il-finali. 

Ġara li wħud mill-istess partitarji kellhom suffarelli u filwaqt li nxtegħel wieħed minnhom, ix-xrar tiegħu waqgħu fuq il-murtali bil-konsegwenza li kkaġunaw splużjoni qawwija. 

Dawk milquta kienu ttieħdu l-isptar b’urġenza. Iżda sfortunatament mietu tnejn minnhom. F’dik il-lejla stess miet Harry Grasso, fl-etá ta’ 20 sena filwaqt li Victor Pace, 26 sena, miet ftit ġranet wara. Pace kien goalkeeper tat-team tat-Tielet Diviżjoni. 

Kien hemm oħrajn li ħelsuha ħafif u li ntbagħtu lejn id-dar ftit jiem wara din it-traġedja. Dawn kienu Albert Pace, 20 sena, li kien ħu Victor, Manwel Pace, 16-il sena, Thomas Bugeja, 20 sena, li kien jilgħab fil-qalba tad-difiża fit-team tat-Tielet Diviżjoni, Manwel Xerri, 18-il sena, George Coleiro, 25 sena, u Mikiel Degiorgio, 29 sena. 

Il-partitarju,  Wigi Vassallo, kien l-aħħar li ntbagħat id-dar wara li għamel xi żmien fil-kura intensiva hekk kif kien fil-periklu tal-mewt. 

Is-Sinjura F. Bonello u s-Sinjorina Aida Azzopardi, għalliema fl-Iskola Primarja, li kienu qed igawdu s-serata fil-gallarija tad-dar tagħhom weġġgħu u ddaħħlu l-isptar. 

Is-Sinjura Bonello sofriet minn ħruq f’riġlejha tax-xellug filwaqt li s-Sinjorina Azzopardi ngħatat il-kura għal xokk. It-tifel tagħha ta’ 14-il xahar iddaħħal ukoll l-isptar bi ġrieħi f’idejh hekk kif intlaqat mill-ħġieġ li nkisser bl-isplużjoni. 

L-ewwel nies li kienu taw l-għaj­nuna lill-vittmi tal-isplużjoni kienu uffiċjali u baħrin abbord l-HMS Forth li ġrew l-art iġorru tagħmir tal-ewwel għajnuna biex jassistu lill-midruba. Waħda mill-vittmi ngħatat kura abbord il-vapur qabel ittieħdet l-isptar.

Il-funeral ta’ Grasso sar jumejn wara t-traġedja, jiġifieri, fl-10 ta’ Ġunju, li għalih kienet atten­diet folla enormi li kienet tinkludi wkoll rappreżentanti mill-clubs kollha ta’ Malta. 

Il-korteo telaq mill-isptar San Luqa sa Paola Hill fejn hemmhekk it-tebut kien merfugħ sal-knisja ta’ Kristu Re li kien akkumpanjat mill-Arċipriet, Franġisk Xuereb. Jiem wara sar il-funeral ta’ Pace.

Il-club kien irċieva għadd ta’ ittri ta’ kondoljanzi, b’waħda minnhom tkun tal-Prim Ministru, George Borg Olivier, li f’dak il-perjodu kien Londra għal laqgħa tal-gvern. 

Il-memorja ta’ Pace u Grasso ġiet revokata fis-snin 80 meta x-Schrei­ber Sports Ground ingħata l-isem ta’ Pace Grasso Stadium.   

Intant għall-kronaka, din il-finali kellha tiġi deċiża wara tliet logħbiet. 

L-ewwel finali kienet intlagħbet nhar l-24 ta’ Mejju, 1952, bir-riżultat ikun dak ta’ 3-3, wara l-ħin barrani. 

Għal Sliema kienu skorjaw Charlie Mattocks (13), Gużi Camil­leri (35) u Ninu Calleja (65) filwaqt li John Coreschi (46), John Gatt (50 pen) u Joe Vella Borg (68) wieġbu għal Hibernians. Ta’ min jgħid ukoll li Mattocks seta’ għamel l-iskor 3-0 favur il-Wanderers iżda l-goal tiegħu ma ġiex konvalidat minħabba pożizzjoni ta’ offside. 

Imbagħad l-ewwel replay intlagħbet fl-1 ta’ Ġunju, bir-riżultat ikun dak ta’ 1-1, wara l-ħin barrani. 

Kien Leli Saliba (14) li fetaħ l-iskor għall-Pawlisti iżda  Ni­nu Calleja (68) kiseb id-draw għall- Wanderers. 

Ġimgħa wara ntlagħbet it-tieni replay li fiha s-Slimiżi kienu ħarġu rebbieħa b’goal uniku ta’ Ġużi Camilleri (59). 

Wara l-partita, is-Sinjura Vizzarri, li kienet il-mara tat-teżorier onoraju tal-MFA, A.W. Vizzari, ippreżentat l-FA Torphy lill-captain ta’ Sliema Wanderers, Tony Nicholl.

Sport