Saturday, November 23, 2024

Illum jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni l-permessi ta’ residenza ġodda

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bl-iżvilupp komplut tas-sistema tal-produzzjoni u tal-IT, l-Aġenzija Identity Malta mil-lum bdiet toħroġ gradwalment il-permess ta’ residenza ġdid għal ċittadini minn pajjiżi terzi.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat stqarr li apparti mill-bidliet estetiċi, il-permess ta’ residenza l-ġdid se jkun saħansitra aktar sigur u diffiċli biex jiġi ffalsifikat.

Il-karta l-ġdida tinkludi bosta karatteristiċi ta’ sigurtà. Barra minn hekk, l-informazzjoni personali tad-detentur se tkun laser engraved fuq polycarbonate card, proċess li jagħmilha estremament diffiċli biex din tkun imbagħbsa mingħajr ma tħalli traċċi ċari.

Is-Segretarju Parlamentari Muscat faħħar l-isforzi ta’ Identity Malta sabiex tkun minn tal-ewwel li tipproteġi l-identità ta’ dawk kollha li jagħżlu lil Malta bħala l-post ewlieni ta’ residenza u xogħol tagħhom filwaqt li kompla jtenni li l-isforzi ta’ pajjiżna fl-avvanzi teknoloġiċi huma kbar.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta s-Sur Anton Sevasta spjega li  l-permess ta’ residenza l-ġdid se jkun qed jinħareġ għal applikazzjonijiet ġodda u applikazzjonijiet ta’ tiġdid, filwaqt li l-permessi li hawn fl-idejn bħalissa se jibqgħu validi sad-data tal-iskadenza tagħhom indikata fuq il-karta stess.

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea jridu jkunu konformi mal-karta l-ġdida sa Lulju ta’ din is-sena. Il-karti l-ġodda se jkunu qed jinħarġu wkoll lil ċittadini tar-Renju Unit, kemm lil dawk li bħalissa qed jirrisjedu f’Malta kif ukoll wara l-perjodu ta’ transizzjoni. Eventwalment, Identity Malta se tkun qed toħroġ dokument ta’ residenza ġdid lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea li ġiet adottata riċentement.

It-tnedija tal-permess ta’ residenza ġdid waslet wara l-aħbar li l-passaport Malti rebaħ il-premju prestiġġjuż tal-aqwa dokument ta’ identità reġjonali tas-sena; li huwa kisba importanti fil-ġlieda kontra s-serq tal-identità u l-iffalsifikar ta’ dokumenti.

Sport