Il-jum tant mistenni b’mod speċjali minħabba l-wegħda li tinstab soluzzjoni għall-Gwerra fl-Ukrajna, wasal. Illum, 20 ta’ Jannar 2025, in-negozjant miljunarju kontroversjali Donald Trump, għat-tieni darba se jieħu l-ġurament bħala l-President il-ġdid tal-Istati Uniti. F’elezzjoni li saret f’Novembru li għadda u dwarha tkellmet id-dinja kollha, Donald Trump se jkun fit-tmun tas-super potenza dinjija għall-erba’ snin li ġejjin.
Vittma ta’ attentat fuq ħajtu li ħelisha bi sbrixx kif ukoll “ħeles” bi sbrixx sentenza ħabs wara li nstab ħati ta’ 34 kapi ta’ akkuża kriminali, Donald Trump dalgħodu se jibda l-ġurnata tal-inawgurazzjoni tiegħu bħala s-47 President tal-Istati Uniti b’quddies fil-knisja St John. Wara huwa mistenni li jmur għal tazza tè fil-White House.
L-avveniment ewlieni huwa dak li fih Trump u l-Viċi President elett, JD Vance, f’nosinhar jieħdu l-ġurament tal-ħatra. Din, għall-ewwel darba mill-1985, se ssir ġewwa l-bini tal-Capitol Rotunda minħabba t-temp kiesaħ rekord prevvist f’dan il-jum ta’ -6 gradi Celcius. Trump se jkun l-ewwel president wara Ronald Reagan li se jkun inawgurat ġewwa. Din l-aħħar bidla fil-programm uffiċjali ħabbarha Trump stess fuq il-pjattaforma soċjali tiegħu.
Sussegwentement tingħata l-aħħar tislima uffiċjali lill-President uxxenti Joe Biden u lill-Viċi tiegħu, Kamala Harris. Trump imbagħad mistenni jmur fil-Kamra Presidenzjali biex hekk kif hija t-tradizzjoni, jiffirma n-nominazzjonijiet u xi dokumenti uffiċjali oħra.
Wara ċ-ċerimonja ta’ dan l-iffirmar, issir l-ikla ta’ nofsinhar organizzata mill-Kumitat tal-Kungress għaċ-Ċerimonji tal-Inawgurazzjoni. Jekk it-temp jippermetti, Trump imbagħad mistenni jerħilha għall-parata presidenzjali li tibda mill-Capitol, tinżel mill-Pennsylvania Avenue u tmur għall-White House. Hawn mistennija ssir ukoll spezzjoni tat-truppi. Aktar tard Trump għandu fil-programm li jattendi u jitkellem fi tliet balli – il-“Commander in Chief Ball”, il-“Liberty Inaugural Ball” u “Starlight Ball”.
“Ċelebrazzjonijiet li jirriflettu ritorn storiku”
Il-membri ta’ dan il-Kumitat, Steve Witkoff u Kelly Loeffer fl-istqarrija li fiha tħabbar dan il-programm qalu li, “il-President Trump huwa ddedikat li jgħaqqad il-pajjiż permezz tal-aġenda tiegħu tal-Amerika l-ewwel li toffri saħħa, sigurtà u opportunitajiet. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-inawgurazzjoni 2025 se jirriflettu r-ritorn storiku tal-President elett Trump fil-White House u l-vot b’saħħtu tal-poplu Amerikan biex jagħmlu għal darb’oħra l-Amerika pajjiż kbir”.
Il-programm ta’ din l-inawgurazzjoni beda mis-Sibt li għadda b’festin u logħob tan-nar fil-klabb nazzjonali tal-golf ta’ Trump f’Virginia, kif ukoll festin għall-Kabinett u ikla tal-Viċi President. Ilbieraħ tpoġġew il-fjuri fuq l-oqbra tas-suldati mhux magħrufa fiċ-ċimiterju ta’ Arlington, wara saret ir-rally tar-rebħa MAGA (Making America Great Again) ta’ Trump fl-Arena tal-Capital One f’Washington u l-jum ingħalaq b’ikla.
L-attivitajiet tas-60 inawgurazzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti jiġu fi tmiemhom għada filgħodu bin-National Prayer Service.