Il-Kampjonati Nazzjonali BOV tal-Waterpolo se jibdew proprju llum u se jaraw 12-il team, l-akbar numru għal dawn l-aħħar snin.
Dan filwaqt li wara t-tfixkil ta’ dawn l-aħħar sentejn minħabba l-pandemija tal-Covid-19, l-ASA qed tistenna bi ħġarha li jirritornaw bi ħġarhom il-partitarji biex jagħtu l-appoġġ lit-timijiet tagħhom kif ukoll joħolqu l-atmosfera brijuża li l-waterpolo tant jixraqlu.
Barra minn hekk l-istess assoċjazzjoni qed tittama li dan l-istaġun ikun l-aħħar wieħed mingħajr players barranin hekk kif fis-snin l-imgħoddija l-logħba domestika attirat minn fost l-aqwa players ta’ livell mondjali.
L-istaġun se jibda bir-round preliminari biex jiġu determinati liema timijiet jikkwalifikaw għall-Kampjonat BOV Premier u dak tal-Ewwel Diviżjoni, bin-knock-outs jibdew wara r-round preliminari, fil-5 ta’ Lulju, bil-Finali tagħhom jintlagħbu fit-3 ta’ Awwissu.
Il-kampjonati jispiċċaw b’finali play-off fuq bażi tal-aħjar minn tliet logħbiet, li se jintlagħbu bejn it-13 u l-20 ta’ Awwissu.
Bħal dawn l-aħħar snin, l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-unuri prinċipali mistennija jkunu Neptunes, San Ġiljan u Sliema, għalkemm wieħed dejjem jistenna oppożizzjoni denja minn timijiet bħal Sirens, Valletta u Exiles.
Ta’ nota huwa l-fatt li matul dan l-istaġun se jkunu qed jirritornaw fl-azzjoni t-team ta’ Barracudas, wara iktar minn 20 sena.
Il-programm tal-ewwel ġurnata huwa:
Illum
Valletta v Birzebbugia 6.15 pm
Marsaxlokk v San Giljan 7.20 pm
Exiles v Barracudas 8.25 pm
Għada
Sliema v Marsaskala 6.15 pm
Sirens v Otters 7.20 pm
Ta’ Xbiex v Neptunes 8.25 pm