Thursday, December 26, 2024

Illum jirritorna l-Kampjonat Premier bl-aqwa logħba tkun bejn Hamrun S. u Hibernians

Aqra wkoll

Wara l-impenji pożittivi tat-team nazzjonali Malti li f’żewġ partiti ta’ ħbiberija għeleb lil Azerbaijan (1-0) u lil Kuwajt (2-0) jirritorna l-BOV Kampjonat Premier hekk kif proprju f’dan it-tmiem il-ġimgħa jingħata bidu għat-tieni fażi fejn l-ewwel sitt timijiet jilagħbu fir-round tat-Top Six u s-sitt timijiet l-oħra jilagħbu fir-round tal-Play Out. 

Bla dubju, l-aktar partita mistennija hija dik bejn iċ-champions renjanti Hamrun Spartans u l-leaders Hibernians. 

Iżda qabilhom jilagħbu Floriana li jaffrontaw lil Gzira United u b’reb­ħa ji­tilgħu fl-ewwel post tal-klassifika.

Fin-naħa t’isfel tal-klassifika, ikompli jikber l-inkwiet għal Sliema Wanderers hekk kif jidhru destinati li staġun ieħor jilagħbu fiċ- Challenge League filwaqt li l-ħames timijiet l-oħra ikomplu jissieltu għas-salvazzjoni minħabba li d-differenza ta’ bejniethom hija dik ta’ ħames punti biss. 

Hamrun S. v Hiber­nians – Dan huwa l-aktar konfront li jispikka hekk kif filwaqt li Hiber­nians jimmiraw li jkomplu jsaħħu posthom fil-quċċata, Hamrun Spartans iridu jippreżentaw lilhom infushom bħala ostaklu mill-aktar diffiċli fit-tentattiv li joħorġu bit-tliet punti. 

Bla dubju, rebħa għall- Pawlisti tgħollilhom il-mo­ral għall-partita kruċjali li jmisshom kontra Floriana li tista’ tiddetermina fejn sej­jer ir-rebħ tat-titlu. 

Iżda huma jridu juru l-istess determinazzjoni li wrew fl-aħħar logħba kontra l-istess Floriana fejn ħar­ġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 4-1. 

Min-naħa l-oħra, wara staġun diżappuntanti, l-Ispartans ma jistgħux joħorġu b’idejhom vojta għall-fatt li qed jissieltu flimkien ma’ Birkrikara u Gzira United għat-tielet pożizzjoni. 

Inċidentalment iż-żewġ timijiet se jkunu qed jimmi­raw għat-tielet rebħa konsekuttiva u mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli. 

L-Ispartans se jkunu qed ifittxu rebħa wara li Hibernians għelbuhom 2-1 bil-partita l-oħra tispiċċa fi draw ta’ mingħajr goals.

Floriana v Gzira U. – Floriana jiltaqgħu kontra Gzira United fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom. 

Huma ġejjin minn telfa umiljanti ta’ 4-1 kontra Hibernians biex ħadu daqqa ta’ ħarta kbira fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw għar-rebħ tat-titlu. 

Min-naħa tagħhom, il- Maroons ukoll għandhom bżonn il-punti biex jibqgħu jżommu l-pass ma’ Hamrun Spartans u Birkirkara għall-ksib tat-tielet post.

Iżda huma se jkollhom jgħaddu mingħajr tliet pe­dini importanti għax sospiżi. Dawn huma Jefferson de Assis, Zachary Scerri u Clive Gauci. Iżda jirritorna Nevin Portelli minn sospensjoni. 

Fiż-żewġ partiti pre­ċe­denti Floriana ħarġu rebbieħa bl-iskor identiku ta’ 2-1. 

Birkirkara v Gudja U. – Birkirkara jiffaċċjaw lil Gudja United li jinsabu komdi fis-sitt post u mingħajr l-ebda pressjoni. 

Għall-kuntrarju, l-Istri­pes iridu jinsew it-tliet partiti preċedenti u jirritornaw għar-rebħ jekk iridu jibqgħu fit-tielet pożizzjoni. 

Huma jridu jirriorganizzaw u jżidu l-momentum hekk kif f’dawn l-aħħar    tliet ħarġiet tagħhom xejn ma kienu konsistenti. 

Bla dubju, huma jinsabu konxji tat-theddida li jistgħu joffru l-Gudjani, aktar u aktar meta dawn ma għandhom xejn x’jitilfu u għaldaqstant jilagħbu football dirett u offensiv. 

Iż-żewġ timijiet għandhom il-players kollha għad- dispożizzjoni u għalhekk jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli. 

Fiż-żewġ konfronti pre­ċedenti, il-Karkariżi ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 u 1-0.

Sirens v Valletta – Dan huwa konfront delikat bejn żewġ timijiet li jridu jirritornaw għar-rebħ fl-obbjettiv tagħhom li jevitaw ir-re­legazzjoni. 

Rebħa tpoġġihom f’żona komda iżda telfa tpoġġihom f’sitwazzjoni mill-aktar prekarja filwaqt li jis­tennew l-eżitu ta’ Mosta, Balzan u Sta Lucia, hekk kif is-salvazzjoni se tkun missielta sal-aħħar.

Sirens ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar ħames partiti filwaqt li Valletta kisebu rebħa waħda fi 12-il partita fejn sofrew ukoll seba’ telfiet. 

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Adrian Borg għall-Pawlini u Jean Borg għall-Beltin. 

Fiż-żewġ logħbiet pr­ċe­denti kull team rebaħ partita – Sirens 2-1 u Valletta 3-1. 

Sliema W. v Mosta – Sliema Wanderers, li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika, jaffrontaw  lil Mosta li ġej­jin minn telfa kontra Gudja United. 

Fil-veritá, il-Wanderers jinsabu ferm viċin li jiġu relegati u telfa kontra Mos­ta tpoġġihom fix-xifer biex jitilfu posthom għat-tieni darba fl-istorja glorjuża tal-club. Hija ħasra kbira li club “aristokratiku” fix-xena domestika se jitlef il-profil tiegħu fl-ogħla diviżjoni.

Min-naħa l-oħra, Mosta jinsabu tliet punti biss ‘il bogħod mis-salvazzjoni u ma jistgħux jwaqqgħu l-punti. 

Il-Wanderers se jkunu msaħħa bir-ritorna ta’  Oscar Bethancourt minn sospensjoni.

Fil-konfronti preċedenti Mosta għelbu lil Sliema 3-2 u 1-0

Balzan v Sta Lucia – Ħadd minn Balzan u Sta Lucia ma jaffordja jitlef hekk kif punt wieħed biss qed jifred liż-żewġ timijiet u t-tnejn jinsabu fil-periklu li jitilfu posthom. 

B’rebħa Balzan jiftħu vantaġġ ta’ erba’  punti fuq l-istess Luċjani iżda rebħa għal dawn tal-aħħar jaqbżu lill-istess Balzanin u jħalluhom fil-periklu taż-żona l-ħamra. 

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Michael Johnson (Balzan) u Andre Prates (Sta Lucia).  

Fiż-żewġ partiti pre­ċe­denti, Sta Lucia ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0, bil-logħba l-oħra tintemm fi draw ta’ 3-3. 

Ekonomija

Sport