Tuesday, May 14, 2024

“Illum l-aħħar ġurnata bħala Sindku… Imqabba u Imqabbin kontu u se tibqgħu f’qalbi – Grazzi”

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat, Omar Farrugia ħabbar li llum hija l-aħħar ġurnata tiegħu bħala Sindku u qasam messaġġ ta’ ringrazzjament lejn dawk kollha li urewh mhux biss fiduċja, iżda rispett kbir.

Farrugia qal li kien ta’ unur u privileġġ kbir li n-nies avdawh biex iservi lil raħal twelidu, ir-raħal fejn jgħix, ir-raħal li tant iħobb l-Imqabba bħala s-Sindku. 

“Kienu tlett snin ta’ ħidma kbira bla waqfien. Għamilna proġetti ta’ kull tip, b’investimenti kbar u f’kull rokna tal-Imqabba. Illum, b’umiltà inħares lura u ngħid li flimkien ħallejna raħal ferm aħjar minn kif sibnih,” qal Farrugia.

Huwa żied jgħid: “Nixtieq ngħid kelma waħda li tiġbor kollox – Grazzi kbira lilkom residenti tal-Imqabba ta’ kemm sibtkom warajja f’kull ħaġa li għamilna, tal-koperezzjoni sħiħa tagħkom u fuq kollox tar-rispett kbir li dejjem urejna lil xulxin. Dan raħal b’nies speċjali wisq. Imqabba u Imqabbin – kontu, għadkom u dejjem se tibqgħu f’qalbi.”

Għal dan, bosta kienu dawk il-persuni b’mod speċjali residenti li rringrazzjawh tal-ħidma li wettaq f’din il-lokalità. “Minn qalbna nirringrazzjawk tax-xogħol kollu li għamilt għar-rħal tagħna. Omar issa nawguralek għall-futur sabiħ, b’aktar ħidma fil-Parlament.” Oħrajn qalu li jinsabu persważi illi l-ħidma tiegħu b’risq l-Imqabba se tkompli bl-istess ħeġġa u dedikazzjoni mill-pass li jmiss.

Sport