Friday, June 6, 2025

Illum l-Italja tibda l-impenji tagħha tat-Tazza tad-Dinja 2026

Aqra wkoll

Trawmatizzati minħabba fallimenti konsekuttivi fir-rounds ta’ kwalifikazzjoni, illum l-Italja jibdew it-tfit­txija tagħhom biex itemmu 12-il sena ta’ ‘tbatija’ meta jibdew il-kampanja ta’ din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fin-Norveġja. 

Wara li fallew żewġ fażijiet finali konsekuttivi, l-Azzurri jilagħbu kontra team li diġá għandu sitt punti minn żewġ partiti u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom fil-mira li jilħqu u jaqbżu lin-Norveġiżi fil-klassifika.

Wara li bdew b’rebħa kbira ta’ 5-0 kontra l-Moldova, it-team immexxi mill-coach, Stale Solbakken,  għeleb ukoll lil  Iżrael bl-iskor ta’ 4-2 fi stadium newtrali fl-Ungerija … u għaldaqstant jinsab fil-quċċata b’punti massimi fil-mira li jikkwalifika direttament minn grupp ta’ ħames timijiet.

Preċedentement, “ġenerazzjoni tad-deheb” ġdida kienet kisbet il-promozzjoni għall-ogħla livell tal-UEFA Nations League qabel l-Awstrija u s-Slovenja, u għaldaqstant il-mo­ral huwa wieħed għoli għall-partita tal-lum.

L-Italja, issa jdawru l-attenzjoni tagħhom f’din il-kompetizzjoni wara li sfaw eliminati mill-kwarti-finali tal-UEFA Nations League, u proprju llum għandhom test diffiċli. Il-punt pożittiv minn dan il-grupp huwa minn jispiċċa fit-tieni post, jingħata ċans ieħor għall-kwalifikazzjoni għall-fażi finali permezz tal-play-offs. 

Il-pajjiż Nordiku ma deherx f’Tazza tad-Dinja mill-1998 u l-aħħar darba li ħa sehem f’tournament ewlieni kien fl- Euro 2000, iżda bi stilel bħal Erling Haaland u Martin Odegaard imexxu l-attakk, huma jistennew li jtemmu din in-nixfa proprju f’din l-edizzjoni.

Huma jinsabu konxji li rebħa oħra f’Oslo tpoġġihom sew fit-triq it-tajba. Madankollu, ir-rekord tagħhom mal-Italja mhuwiex tajjeb.

Min-naħa l-oħra, minn meta ħa post Roberto Mancini, il-coach nazzjonali Luciano Spalletti safa eliminat fl-Aħħar 16 tal-Euro 2024 kif ukoll fil-kwarti-finali tal-UEFA Nations League u għaldaqstant il-paċenzja qed tispiċċa mal-partitarji.

Aktar minn hekk, din il-partita xejn ma ġiet f’waqtha minħabba l-pressjoni li tinsab fuqhom hekk kif il-players jinsabu għajjiena fiżikament u psikoloġikament wara li ftit tal-ġimgħat ilu ntemmu l-kampjonat domestiċi. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport