Minn Cristian Musct
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Nixtieq nibda mill-bidu biex infisser sew kif waslet din l-imħabba lejn dan l-isport tant sabiħ tal-atletika. Jien fil-verita’ naħdem bħala infermiera fit-teatri tal-operazzjonijiet. Ilu mill-1985 meta kien għad kelli biss 19-il sena. Illum għandi 59 sena u ħa nagħlaq 40 sena naħdem hemm. Iż-żmien naħdem fit-teatru qattajtu l-ewwel nofs nassisti lill-kirurgi waqt l-operazzjoni u t-tieni nofs ngħin lill-anesteżisti, dak li jagħtu l-loppju qabel tibda operazzjoni.
Infermier jew infermiera hu bniedem bħal ħaddieħor u jaf ma jagħtix kas ta’ saħħtu wkoll. Meta kelli 45 sena, fettilli nagħmel test tad-demm u r-riżultati ma tantx ġewni tajbin, l-iktar tal-kolesterol. Niftakar ġieni livell veru għoli ta’ 8.4, meta normali huwa ta’ 5 bħala l-ogħla. Kont b’ċans kbir li jkolli attakk tal-qalb jew publesija. Il-kardjologu li segwieni bdieni mill-ewwel fuq il-pilloli biex jikkontrollali l-kolesterol imma qalli wkoll li rrid nibda mmur nimxi u niekol ikel tajjeb għas-saħħa.
Bħala infermiera naf sew xi tfisser li jkollok kolesterol għoli u l-konsegwenzi koroh li jikkawżalek. Minn dakinhar stess bdejt immur nimxi nofs siegħa. Għall-bidu waqaft niekol ċerti affarijiet li kont imdorrija bihom speċjalment dak l-ikel mhux daqtant bnin. Wara tliet xhur f’din is-sitwazzjoni, erġajt għamilt it-testijiet u mhux biss inqast fil-piż minn 84 kilogramm inżilt għal 60 kilogramm imma l-livell tal-kolesterol niżel għal madwar ħamsa, iġifieri fil-limiti tan-normal. Minn dakinhar kemm jista’ jkun qatt ma tlift mixja u bqajt niekol ikel tajjeb għas-saħħa u l-livell tal-kolesterol dejjem irnexxieli nżommhom f’livelli normali u qatt ma kelli bżonn nerġa’ nieħu l-pilloli.
Wara peress li kont immur nimxi x-xatt ta’ Tas-Sliema, bdejt inħossni li fiżikament kont ħafna aħjar u bdejt saħansitra nitħajjar minn oħrajn u bdejt ukoll niġġogja xi ftit sakemm kont kapaċi li nista’ niġri. U f’din ir-rutina bqajt dejjem u ta’ kuljum nagħmel hekk. Meta kelli kważi 52 sena, xi ħbieb tax-xogħol li kienu jagħmlu xi tiġrijiet qaluli li missni nibda nagħmel xi tellieqa jien ukoll u kont applikajt għal waħda minnhom li kienet se tkun l-ewwel tiġrija tiegħi. Niftakar li kienet l-ewwel edizzjoni ta’ Żabbar 5 K u peress li bdejna t-tnejn flimkien, din it-tellieqa baqgħet f’qalbi u kull sena nieħu sehem fiha.
X’unuri prinċipali rbaħt fil-karriera tiegħek s’issa?
Jien ma nikkunsidrax ruħi bħala xi atleta elite imma matul is-snin,irbaħt diversi tazzi fil-kategoriji tal-eta’ tiegħi speċjalment dawk li ġrejt fihom. Dan kollu seħħ minn mindu bdejt nieħu sehem fit-tlielaq ta’ ‘l fuq minn 50 u anke 55 sena. Għalija imma l-unur prinċipali hu li rnexxieli nirbaħ lura saħħti u naf li jekk ma nibqax nagħmel attivita’ sportiva, terġa’ tirbaħni l-marda tal-kolesterol għoli bil-ħsara kollha li tikkawża fil-qalb u ċ-ċirkolazzjoni tad-demm. Il-ġiri hu xi ħaġa bħad-droga wkoll, jekk tidħol fik diffiċli titilqu. Jien irid ikolli xi injury li jżommni milli jiġri, il-bqija jien se nibqa’ għaddej.
Liema kien l-aħjar ħin miksub minnek s’issa?
Meta tibda tieħu sehem fit-tlielaq, tagħmel ħafna ħbieb ġodda u bis-saħħa tagħhom, dħalt nitħarreġ mal-kowċ Fabio Spiteri u għadni nitħarreġ miegħu sal-lum il-ġurnata. Meta jkollok min imexxik, ikollok pjan ta’ kif għandek tiġri u kif tipprepara ruħek biex meta jkollok tellieqa, tkun ippreparat sew u anke tevita xi injuries bla bżonn. Rajt ħafna titjib ukoll taħt id-direzzjoni ta’ kowċ Fabio u għalkemm m’humiex ħinijiet li nista’ nikkompeti ma’ atleti elite, jien sodisfatt ħafna li f’qasir żmien irnexxieli nagħmel din l-istatistika.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
L-atletika għalija saret xi ħaġa li ma ngħaddix mingħajrha. Dik li tqum kmieni u l-ewwel ħaġa li tagħmel kif tiftaħ għajnejk hu li tmur tagħmel ġirja, tidħol ġo fik u ssir vizzju li mhux faċli taqtgħu. Dik is-siegħa jew sagħtejn ġiri waħdi jew ma’ sħabi jew mal-kowċ tiegħi Fabio Spiteri waqt it-taħriġ, tħoss li tneħħilek it-tensjoni u tinsa kull problema li jkollok. Is-sabiħ tal-atletika hi li m’hemmx żmien li trid tirtira. Għalhekk l-atletika hu sport għal kull eta’ u għal kull livell fiżiku. Il-futur tiegħi bħala atleta ma narax it-tmiem tiegħu sakemm nibqa’ b’saħħti.
Nixtieqek tgħaddi messaġġ finaii lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Bniedem li jixtieq jipprattika l-atletika hu importanti li jsib grupp ta’ nies li jkun jista’ jiġri magħhom. Hu importanti wkoll li ssib kowċ tajjeb u ta’ esperjenza li jista’ jmexxik bi programm studjat u adattat għal tip ta’ kompetizzjoni tal-atletika. Għalija dawn iż-żewġ punti huma importanti għax iżommuk motivat u li tilħaq għal dak li jkollok fil-mira b’suċċess. Kultant tħossok taqta’ qalbek meta tara li ċerti tiri li tixtieq tilħaq ikunu naqra diffiċli imma meta tkun ma’ grupp ituk dik l-imbutatura għax waħdek mhux dejjem faċli tissielet waħdek u tagħmel iktar kuraġġ.
Nixtieq nagħlaq billi ngħid l-aktar għal dawk li qatt ma ppruvaw dan l-isport li veru hu diffiċli li taqta’ ċerti vizzji u tipprova tbiddel xi drawwiet biex ittejjeb lil saħħtek. Madankollu hu diffiċli wkoll li tgħix b’piż żejjed u l-konsegwenzi ta’ mard kroniku bħal kolesterol, diabete, pressjoni għolja, mard tal-qalb u nifs fost l-oħrajn. Dan qed ngħidu anke għax naf x’jiġifieri għax għaddejt minnu jien stess. Imma llum ma jiddispjaċinix li kont deteminat li nbiddel ħajti għall-aħjar … għalija mis-suċċessi kollha li ksibt, din kienet l-ikbar rebħa!