Malta llum irreġistrat domanda rekord ta’ elettriku meta laħqet is-649MW fis-2.00pm. Dan qalu l-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona waqt li kien qiegħed jitkellem mal-ġurnalisti dwar is-sitwazzjoni tal-qtugħ tal-elettriku kawża fost l-oħrajn tas-sħana li qed taħkem il-pajjiż.
Cardona qal li l-kumpanija reġgħet żiedet ir-riżorsi biex kull ħsarat li jiżviluppaw fin-network ta’ vultaġġ għoli jiġu msewwija mill-aktar fiss. qal li fil-maġġornaza tal-każi l-provista tal-elettriku qed tingħata lura minn rotot alternattivi tant spjegat li l-maġġoranza taż-żoni affettwati ħadu lura l-provvista f’inqas minn tliet sigħat.
Min-naħa tiegħu d-Direttur Eżekuttiv tas-Sistema tad-Distribuzzjoni, Steve Farrugia qal li fl-aħħar ġimgħa l-ħaddiema tal-Enamalta ħadmu aktar minn 10,000 siegħa ta’ xogħol f’tiswijiet. Farrugia qal li s’issa l-ħaddiema sewwew 45 minn 65 cable ta’ vultaġġ għoli.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Enerġija, Miriam dalli fejn qalet li bħalissa l-pajjiż għandu bżonn 1,600 substation u l-pjan hu li jiżdiedu bi 300 oħra sal-2028. Dwar il-kumpens għal min sofra xi ħsarat, il-Ministru Dalli qalet li bħalissa l-pajjiż iffukat li jerġa’ jagħti lura l-provvista tal-elettriku lil kulħadd u għalhekk dettalji bħal dawn se jingħataw fil-jiem li ġejjin.