Sunday, October 12, 2025

Illum Malta tilgħab f’partita ta’ ħbiberija kontra Bosnja Herzegovina

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti llum jilgħab it-tieni logħba fi żmien tlett ijiem f’dan il-perjodu ta’ logħob internazzjonali meta f’partita ta’ ħbiberija jospita lil dak ta’ Bosnja-Herzegovina.

It-team immexxi mill-coach,  Emilio de Leo,  ġej minn telfa diffiċli ta’ 4-0 kontra l-Olanda liema partita kienet valida mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026.

Kif kien mistenni, il-Maltin xejn ma sabuha faċli li jżommu l-furja Olandiża li rnexxielhom jiskorjaw erba’ goals mingħajr risposta … li peró wieħed irid jgħid ukoll li tnejn minnhom waslu mill-11-il metru.

Kien hemm mumenti po­żittivi f’din il-logħba fejn f’bosta mumenti d-difiża Maltija kienet dixxiplinata biex għalqet l-ispazji kol­lha neċessarji … għalkemm wieħed irid isemmi l-iżball tal-goalkeeper, Henry Bonello, li witta t-triq għat-tielet goal Olandiż.

Bla dubju, De Leo jrid jagħraf kif se jirriorga­niz­­za lill-players tiegħu kemm tattikament kif ukoll psikoloġikament biex ma tintilifx il-kontinwitá tal-affarijiet pożittivi.

Min-naħa tagħhom, il- Bosnjaċi ġejjin minn draw ta’ 2-2 fil-partita ta’ ħbiberija kontra Ċipru.

Huma jinsabu fit-tieni post ta’ Grupp H, f’din il-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat- Tazza tad-Dinja 2026, meta għandhom 13-il punt, tnejn inqas mil-leaders l-Awstrija.

Għad-difensur Malti, Steve Borg, din se tkun logħba speċjali minħabba li se jtemm il-karriera tiegħu internazzjonali proprju hawn. Huwa lagħab 81 logħba u skorja tliet goals wara li għamel id-debutt tiegħu, fl-2011, kontra l-Latvja.

Barra minn hekk, din se tkun ukoll partita storika għal Henry Bonello li se jsir l-aktar goalkeeeper li lagħab bil-flokk Malti, b’total ta’ 70 partita  biex b’hekk se jik­ser ir-rekord tal-leġġendarju, Da­vid Cluett, li serva lit-team nazzjonali bejn l-1987 u l-1996.

Dan se jkun il-ħames konfront bejn Malta u l-Bosn­ja … bl-ewwel konfront ikun fl-1999 fejn konna aħna li ħriġna rebbieħa 2-1 … iżda fit-tliet logħbiet sussegwenti, il-Bosnjaċi dejjem ħarġu rebbieħa bl-iskors ta’  2-0, 5-2 u 1-0.

Il-konferenza stampa għal din il-partita ġiet in­di­rizzata minn De Leo u d-di­fensur Steve Borg

De Leo beda billi laqa’ lura lill-players li rritornaw fl-iskwadra minn sospen­sjo­ni, u nnota li t-team kellu ħin limitat biex jimplimenta bidliet kbar. Huwa enfasizza l-importanza ta’ kull partita, inklużi l-logħbiet ta’ ħbiberija, bħala opportunitajiet biex jiġu valutati l-progress u l-iżvilupp.

“Ma kellniex ħafna ħin biex nibdlu xi affarijiet,” qal De Leo. “Għal dan it-team, anke l-logħbiet ta’ ħbiberija huma importanti għax huma testijiet biex naraw fejn wasalna u xi ksibna.”

Meta mistoqsi kif Malta qed tippjana li timmarka lill-attakkant magħruf ta’ Bosnja, Edin Dzeko, il-coach enfasizza l-importanza tal-orga­nizzazzjoni kollettiva iktar milli l-iffukar fuq avversarji individwali.

“Issa drajna nilagħbu kontra players ta’ dan il-li­vell. Mhux biss dwar individwu wieħed — hija l-organizzazzjoni tat-team kollu li tgħodd,” spjega De Leo. “Urejna dan fl-ewwel logħbiet tagħna. Naturalment, nafu t-talent ta’ Dzeko, iżda l-istrateġija tagħna tibqa’ li nibqgħu team organizzat.”

Il-logħba tal-lum se tkun waħda speċjali għal Borg li se jkun lagħab 82 partita bil-flokk ta’ Malta. Waqt li rrifletta fuq il-karriera tiegħu, Borg qal li kull logħba kienet unur u li se jgħożż il-memorji tar-rappreżentaz­zjoni ta’ pajjiżu.

“M’hemm l-ebda logħba li nixtieq ninsa — dejjem huwa unur li nilbes il-flokk nazzjonali,” qal Borg. “Li nilgħab fi grounds kbar u mimlijin hija dejjem esper­jenza mill-aqwa, iżda dej­jem se ngħożż ir-rebħa kontra l-Latvja, meta skor­jajt il-goal rebbieħ fil-95 minuta biex tajt tliet punti lil Malta.”

Meta mistoqsi jekk jarax xi player żagħżugħ kapaċi jimxi fuq il-passi tiegħu, Borg b’umiltà enfasizza l- potenzjal tal-ġenerazzjoni li jmiss.

“Kollha għandhom il- punti tajbin tagħhom — ma nħossnix speċjali. Huma kbar fil-mod tagħhom,” qal. “Li tilgħab mat-team nazzjonali hija ħolma, u dej­jem se nipprova ngħin liż-żgħażagħ jiksbuha.”

– Cristian Muscat

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport