Friday, December 20, 2024

Illum Malta tilgħab partita ta’ ħbiberija kontra l-Venezwela

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti mmexxi minn Devis Mangia, illum jilgħab partita ta’ ħbiberija kontra l-Venezwela. Din hija meqjusa bħala logħba importanti bi preparazzjoni għat-tliet impenji fil-UEFA Nations League fejn se jilagħbu żewġ logħbiet kontra San Marino u oħra kontra l-Estonja.

Sa ċertu punt, dan hu konfront storiku għal Malta minħabba li din se tkun l-ewwel darba li se taffronta team mill-Amerika t’Isfel.

Il-Venezwela jinsabu fit-58 post tar-rankings tal-FIFA u fl-aħħar logħob ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022 huma temmew fl-aħħar post tal-klassifika meta kisbu 10 punti minn 18-il logħba.

It-team huwa mmexxi minn Jose Pekermann, coach li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni minħabba li mexxa diversi timijiet minn dan il-kontinent fosthom l-Arġentina u l-Kolombja. Huwa ilu jmexxi lill-Venezwela  minn Novembru 2021. S’issa hu ggwida lit-team f’erba’ okkażjonijiet fejn ir-rekord huwa ta’ rebħa u tliet telfiet.

Minbarra l-partita kontra Malta, huma se jilagħbu wkoll logħba ta’ ħbiberija oħra kontra l-Arabja Sawdita fis-6 ta’ dan ix-xahar. 

Fost il-players ta’ isem li se jkunu fl-is­kwadra Sud-Amerikana hemm il-player ta’ nofs il-ground ta’ Manchester City misluf ma’ Espanyol, Yangel Herrera, il-player ta’ esperjenza ta’ Sampdoria, Tomas Rincon, u l-attakkant ta’ Everton, Solomon Rondon.

Sadanittant il-players Maltin ilhom jitħarrġu għal dawn l-aħħar jiem taħt il-gwida tal-coach Mangia fejn huwa sejjaħ skwadra ferm kompettitiva. 

Sadanittant ġie kkonfermat li l-midfielder difensiv ta’ Floriana, Matias Garcia, issa huwa formalment player Malti hekk kif ġiet approvata l-applikazzjoni tiegħu għal ċittadinanza bil-mertu. Fil-fatt huwa mistenni jiddebutta f’din il-partita ta’ ħbiberija kontra l-Venezwela.

S’issa Malta lagħbet żewġ logħbiet matul is-sena 2022 fejn ksibna żewġ rebħiet ta’ 1-0 u 2-0 kontra l-Azerbaijan u l-Kuwajt rispettivament.

L-iskwadra Maltija tħarrġet bis-sħiħ qabel dawn l-impenji tant importanti b’Teddy  Teuma ta’ Union St Gilloise u James Brown ta’ St Johnstone li ngħaqdu fl-iskwadra matul din il-ġimgħa.

F’din il-partita, it-team nazzjonali Malti se jkun qed iżanżan flokkijiet ġodda hekk kif fil-jiem li għaddew kien hemm ftehim mad-ditta sportiva ewlenija, Errea.

Il-logħba se tintlagħab fl-Istadum Naz­zjonali u tibda fis-7.00 pm. 

Ekonomija

Sport