Tuesday, September 9, 2025

Illum Malta tilgħab partita ta’ ħbiberija kontra San Marino

Aqra wkoll

Illum Malta se tkun impenjata f’partita ta’ ħbi­berija kontra San Marino fl-Istadium Nazzjonali.

Din il-partita se tintlagħab wara li nhar il-Ħamis li għadda, il-Maltin spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra l-Litwanja, liema logħba kienet valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026. 

Kellna wirja mill-aqwa iżda ġiet imtappna minn deċiżjonijiet kontroversjali tar-referee minn Georgia, Giorgi Kraushvili, li kienu detrimentali biex litteralment ġejna misruqa minn rebħa.

Wara li ftaħna l-iskor permezz ta’ Alexander Satariano, li kien ir-raba’ goal tiegħu bil-flokk Malti, fil-91 minuta, is-sostitut Jake Azzopardi, li kien ilu tliet minuti fil-ground, tkeċċa għal foul ineżistenti … meta siequ żelqet minn fuq il-ballun u waqgħet fuq sieq l-avversarju Litwan, Eligijus Jankauskas.

Imbagħad, fis-97 minuta, ir-referee saffar għal penalty ivvintat meta l-player Litwan, Edgaras Utkus, daħal f’Zach Muscat u aċċentwa l-waqgħa b’mod malizzjuż … biex Muscat dabbar ukoll karta safra. 

Minkejja li dan il-konfront kien diżappuntanti, matul il-partita l-players Maltin qatt ma wrew xi sintomi ta’ infejoritá, anzi, għal ħinijiet twal huma ppressaw u ġiegħlu lill-avversarji jirtiraw lura u bi ftit aktar attenzjoni u fortuna stajna ħriġna rebbieħa. 

Il-logħba kontra San Marino se tkun opportunità oħra għall-coach nazzjo­nali, Emi­lio de Leo, biex ikompli jistudja u janalizza lill-players kemm tattikament kif ukoll teknikament. 

Peró, jidher li t-team Malti miexi fid-direzzjoni l-ġusta fil-limitazzjonijiet li nippossjiedu. Għall-inqas issa tgħallimna kif in­tellgħu l-ballun b’mod in­telliġenti u m’aħniex nin­żlu b’tattika difensiva u ntajru l-ballun minn wara għal 90 minuti sħaħ.

Għal din il-partita, se jirritorna l-captain, Matthew Guillaumier, minn sospensjoni filwaqt li Jake Azzopardi huwa sospiż. 

Min-naħa l-oħra Teddy Teuma, James Carragher u Ryan Camenzuli, jibqgħu barra minħabba li għadhom qed jirkupraw minn injury.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-coach De Leo, insista li t-team Malti jrid jimxi fuq tliet prinċipji – li nibnu, nemmnu u nħarsu ‘l qud­diem.

De Leo kien ċar: “Irridu nitgħallmu minn kull logħba u niffukaw fuq il-kontinwità”- xhieda tal-identità tal-football Malti li qegħda tiżviluppa. Minkejja li konna viċin li nirbħu l-aħħar logħba iżda fallejna milli niksbu t-tliet punti,  De Leo enfasizza li l-progress ma jitkejjilx biss bir-riżultati, iżda bil-lezzjonijiet li jiġu assorbiti u r-reżiljenzi li jinbnew matul dan il-vjaġġ.

De Leo ma ħeba l-ebda res­ponsabbiltà: “Nieħu r-res­ponsabbiltà iżda kul­ħadd għandu jagħmel dan, kemm il-players li għandhom aktar esperjenza  kif ukoll iż-żgħażagħ ġodda,” huwa qal, u sejjaħ lil kull membru tal-iskwadra biex japprezza l-vjaġġ u jkompli jaħdem. Meta rrifletta fuq il-logħba kontra l-Litwanja, huwa sostna li “m’għandniex naqtgħu qalbna u rridu nibqgħu nittamaw.” 

De Leo appella għal kon­ċentrazzjoni assoluta kontra San Marino – mhux biss tattika iżda wkoll emoz­zjonali.

Din il-partita se tintlagħab fid-8.45 pm u se tintwera diretta fuq TVMSports+.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport