Minn Cristian Muscat
It-team nazzjonali Malti mmexxi mill-coach Taljan, Emilio de Leo, illum għandu quddiemu sfida mill-aktar diffiċli hekk kif, fl-Istadium Nazzjonali, jaffronta lill-Olanda minn Grupp G tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026.
Il-Maltin huma konxji mill-fatt li, fl-10 ta’ Ġunju li għadda, fi Groningen, sfajna megħluba bl-iskor kbir ta’ 8-0 u għaldaqstant iridu jagħrfu kif se jrażżnu l-qawwa Olandiża.
Min-naħa tiegħu, De Leo jittama li t-team irid jibni fuq il-wirjiet riċenti meta f’Settembru li għadda, barra minn xtutna rnexxielna nispiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra l-Litwanja, filwaqt li fil-partita ta’ ħbiberija kontra San Marino ħriġna rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.
Għall-partita tal-lum, De Leo se jkun jista’ jagħmel użu minn żewġ players li kienu qed jirkupraw minn injury – Teddy Teuma ta’ Stade de Reims u Ryan Camenzuli ta’ Hamrun Spartans.
Fl-istess waqt, il-player ta’ nofs il-ground ta’ Gzira United, Andrew Borg, ġie msejjaħ għall-ewwel darba wara li s’issa mpressjona fil-kampjonat.
Iżda Paul Mbong ta’ FK Cukaricki u Zach Muscat ta’ Chaves FC huma sospiżi għal kontra l-Olanda iżda jirritornaw għall-partita ta’ ħbiberija kontra Bosnja- Herzegovina, il-Ħadd li ġej.
Barra minn hekk, James Carragher ta’ Wigan Athletic għadu qed jirkupra minn operazzjoni, filwaqt li l-veteran Steve Borg reġa’ ġie msejjaħ iżda se jkun disponibbli biss għall-partita kontra Bosnja li se tkun l-aħħar waħda tiegħu mat-team nazzjonali.
Taħt it-tmexxija tal-coach, Ronald Koeman, l-Olanda jinsabu fil-quċċata tal-grupp b’punti daqs il-Polonja iżda b’differenza ta’ goals aħjar kif ukoll lagħbu partita inqas.
L-iskwadra msejħa minn Koeman tippossjiedi talenti straordinarju bi players mondjali li ma għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni bil-pern tagħhom huma bbażati fl-aqwa kampjonat fid-dinja – Premier League.
Biżżejjed wieħed jgħid li erba’ mill-players huma msejħa minn Liverpool … Virgil van Dijk, Jeremie Frimpong, Cody Gakpo u Ryan Gravenberch.
Il-coach sejjaħ lill-midfielder ta’ Juventus, Teun Koopmeiners minflok Quinten Timber ta’ Arsenal li jinsab imweġġa’.
Peró, Memphis Depay, minkejja li jinsab fl-iskwadra mhux mistenni jilgħab.
F’konferenza tal-aħbarijiet li ġiet idirizzata minn De Leo u d-difensur, Joseph Mbong, it-tnejn tkellmu b’mod miftuħ dwar il-progress tat-team, l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tagħhom hekk kif ikomplu l-vjaġġ internazzjonali tagħhom.
De Leo rrifletta fuq l-iżvilupp kontinwu tat-team, u ddeskrivih bħala vjaġġ immarkat kemm minn progress kif ukoll minn ostakli.
“Bdejna vjaġġ. Qegħdin niffaċċjaw diffikultajiet, imma hekk nikbru,” huwa qal. “L-għan tagħna hu li nżommu l-momentum, nitgħallmu mill-iżbalji tagħna u ma nirrepetuhomx. Irridu nibqgħu aħna nfusna, ingawdu u noħolqu l-identità tagħna stess.”
Meta rrefera għat-telfa kbira kontra l-Olanda, De Leo ammetta li kienet esperjenza iebsa iżda kienet ta’ siwi kbir.
“Ir-riżultat kontra l-Olanda kien negattiv u ħassejna bħallikieku ħadna daqqa ta’ ħarta – weġġgħetna. Madankollu, għenitna fil-logħbiet ta’ wara, fejn urejna li mmaturajna.”
Il-coach stqarr li l-iżbalji f’dik il-partita kienu prinċipalment tattici, iżda insista li se jiffoka fuq il-qawwa tat-team.
“L-iżbalji kienu tattici, imma jiena nippreferi nikkonċentra fuq il-kwalitajiet tagħna. Għandna nuru kuraġġ u fidi, billi nafu li għandna players ta’ kwalità tajba li qed jitgħallmu.”
De Leo enfasizza l-importanza tal-konċentrazzjoni u l-għarfien tattiku, speċjalment meta tiffaċċja avversarji b’saħħithom li jistgħu jbiddlu l-andament tal-logħba f’sekondi. Huwa kkonferma wkoll li l-atmosfera fit-team hija pożittiva.
“Ma jidhrux problemi fit-team. Għad għandna l-aħħar laqgħa u sessjoni ta’ taħriġ, imma l-grupp huwa magħqud u ffokat.”
Meta ġie mistoqsi dwar in-numru ta’ karti sofor u ħomor riċenti, De Leo stqarr li l-passjoni tal-players xi kultant tgħaddi mil-limiti, imma qal li dan hu parti mill-evoluzzjoni tat-team.
“Għandna ħafna players li juru x-xewqa tagħhom li jridu jkunu involuti u l-livell qed jikber. Xi kultant il-passjoni tkun ftit żejda, u iva, dik hi kwistjoni fejn irridu nkunu aktar bilanċjati,” huwa sostna.
“Mhux kull inċident ikun tort tagħna, imma ngħid lill-players tiegħi li rridu nibqgħu mexjin ’il quddiem, anke jekk ma naqblux ma’ xi deċiżjonijiet.”
De Leo faħħar ukoll in-numru ta’ players li qed jikkompetu f’kompetizzjonijiet Ewropej.
“Il-fatt li l-players qed jilagħbu f’kompetizzjonijiet Ewropej ifisser li qed jirrappreżentaw lil pajjiżna filwaqt li qed jakkwistaw esperjenza siewja li tirrifletti fit-team. Huwa vantaġġ. Iva, jistgħu jirritornaw għajjenin, imma hi r-responsabbiltà tiegħi li nqiegħed il-biċċiet kollha f’posthom.”
Meta ġie mistoqsi biex jivvaluta l-prestazzjonijiet tat-team s’issa, De Leo ppreferixxa jżomm il-ġudizzju għal aktar tard.
“Nixtieq nagħti l-vot tiegħi fl-aħħar. Għad fadlilna triq twila, u nistgħu nitjiebu aktar. Id-destin għadu mhux favur tagħna, iżda nemmen li jkun meta jasal il-ħin tiegħu. Irridu nkunu paċenzjużi.”
Il-player Joseph Mbong ikkonferma l-ottimiżmu tal-coach tiegħu, u tenna l-benefiċċji tal-esperjenza f’livell ogħla kompetittiv.
“Jgħin ħafna li tkun qed tilgħab f’livell Ewropew. L-intensità hi ogħla milli fil-kampjonat domestiku tagħna. Minflok żewġ logħbiet fix-xahar, nilagħbu tlieta jew erbgħa, ħafna drabi fi stadia kbar b’udjenzi kbar. Dak l-ambjent jgħinni nikber bħala player.”
Dwar il-logħba kontra l-Olanda, Mbong qal li dawn huma l-okkażjonijiet li kull player jgħix għalihom.
“Dawn huma l-logħbiet li kull player jgħix għalihom. Nittamaw li jkollna attendenza tajba, għax dik dejjem tgħinna fil-prestazzjoni. Il-motivazzjoni hi għolja – irridu nikkumpensaw għat-telfa barra minn Malta.”
Huwa stqarr id-diżappunt tar-riżultat preċedenti iżda semma sinjali ta’ progress fil-prestazzjonijiet riċenti.
“Ovvjament konna diżappuntati, iżda matul il-perjodu internazzjonali li għadda wrejna li tgħallimna mill-iżbalji tagħna u kellna wirja tajba. L-għan tagħna hu li nibqgħu nitjiebu.”
Kemm De Leo kif ukoll Mbong enfasizzaw li filwaqt li r-riżultati huma importanti, il-konċentrazzjoni tat-team nazzjonali jibqa’ fuq l-iżvilupp, l-identità u l-perseveranza. B’team magħqud u l-esperjenza dejjem tikber, it-team jidher determinat li jkompli l-vjaġġ tiegħu bil-paċenzja, fidi u passjoni.