Tuesday, January 13, 2026

Illum Sandro kellu jibda l-vjaġġ… “iżda l-ajruplan qatt ma telaq biex jiġborna”

Aqra wkoll

“Illum suppost kien il-jum li Sandro fl-aħħar jibda l-vjaġġ tiegħu lejn iċ-Ċina għall-kura li tant għandu bżonn biex isalva. Iżda minflok, l-ajruplan qatt ma telaq biex jiġborna. Dan id-dewmien mhuwiex tort tagħna, iżda huwa kollu konsegwenza tal-azzjonijiet tal-kumpanija tal-air ambulance,” hekk stqarret Abigail Borg, mart Sandro li qiegħed jittama li jingħata l-kura – l-aħħar ċans biex jgħix.

Borg tkompli tikteb li “wara li diġà konna ħallasna kollox, din il-kumpanija mhux biss talbet €80,000 oħra, imma pprovat tisforzani niffirma kundizzjonijiet li ma jagħmlux sens inkluż li nagħmel dikjarazzjonijiet pubbliċi li ma jirriflettux il-verità. Riedu li nċedi d-drittijiet legali tiegħi li niġbor lura l-flus imħallsa żejda. Dawn huma flus il-poplu Malti. Dan mhu xejn għajr rikatt.

“Konna lesti anke nħallsu iktar biex naraw li Sandro jitlaq illum, imma mhu se nħalluhom qatt jisirqulna d-dritt għall-ġustizzja. Waslu anke biex jattakkaw lill-Kummissarju tagħna f’Londra talli kien hemm biex jgħin ċittadin Malti f’diffikultà.

“L-avukati tagħna diġà avżawhom li qed inżommuhom personalment responsabbli għal kull siegħa ta’ dewmien u għal kull riskju li qed jiffaċċja Sandro minħabba t-tattiċi tagħhom.”

F’post fuq il-midja soċjali Borg tgħid li mhux se jaqtgħu qalbhom. “Qed naħdmu kull minuta, lejl u nhar, mal-awtoritajiet biex insibu triq oħra għal Sandro. Ninsab ċerta u b’rasi mgħollija li l-awtoritajiet Maltin mhu se jbaxxu rashom qatt quddiem it-theddid ta’ din il-kumpanija. Meta l-poplu Malti jingħaqad bħal ponn wieħed, m’hemm xejn li jista’ jwaqqafna milli nilħqu s-sewwa. Grazzi tal-imħabba tagħkom. 

“Qed nircievu hafna messaggi ta sostenn, ta mhabba u kuragg u ta dan ninsabu grati immens.  L ghajnuna minn naha tal Gvern ma waqfitx filwaqt li l-avukati u hbieb tieghi Aron Mifsud Bonnici u Roselyn Borg ghadom ma waqfux jahdmu lejl u nhar.

“Filwaqt li Sandro jerġa’ jinsab l-isptar, qed nahdmu flimkien mat-Travel Abroad Unit ta Mater Dei sabiex insibu titjira bl-air ambulance kemm jista jkun fis possibli.  Nirringrazzjahom minn hawn wkoll.

Kellna ħafna raġunijiet biex naqtgħu qalbna, però bl-imħabba u l-kuraġġ li qed nirċievu qegħdin tassew tgħinuna nibqgħu sejrin,” itemm tikbet mart Sandro.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport