Tuesday, December 24, 2024

Illum tagħlaq is-sejħa għal Kummissarju tal-Pulizija

Aqra wkoll

Għall-Korp tal-Pulizija llum huwa jum mill-aktar importanti hekk kif jagħlaq il-perjodu li fih dawk interessati li jieħdu t-tmexxija tiegħu jistgħu jagħmlu dan b’mod uffiċjali billi japplikaw għall-kariga ta’ Kummissarju.

Din se tkun l-ewwel darba li min se jmexxi l-Pulizija se jinħatar b’sejħa pubblika biex issa se jkun possibbli li tinħatar persuna li bħalissa mhiex isservi f’wieħed mill-gradi anke jekk esperjenza passata żgur li tgħinha.

Matul l-aħħar ġimgħat, kemm fil-kurituri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija kif ukoll fil-pajjiż, bdew jissemmew diversi persuni li setgħu kienu interessati li japplikaw għalkemm min applika uffiċjalment mistenni jitħabbar mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li qed tilqa’ l-applikazzjonijiet.

L-iktar li ismu ssemma għal din il-kariga huwa l-Kap Eżekuttiv attwali tal-Pulizija, l-Ispettur Angelo Gafa, li ilu jokkupa dan l-irwol mindu daħal fis-seħħ fl-2016 wara li fis-snin ta’ qabel serva kemm fit-taqsima li tinvestiga każijiet ta’ frodi, fl-armata u anke fis-Servizz Sigriet.

Isem ieħor li ssemma kien dak tal-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo li ilha f’dan il-grad mill-2017 u kienet l-ewwel mara li rnexxielha tilħaq it-tielet l-ogħla kariga fil-Korp.

Pulizija oħra li l-iktar issemmew bħala li possibilment interessati fil-kariga jinkludu lill-Ispettur Robert Vella, li huwa s-Segretarju Ġenerali tal-Malta Police Association, u l-Ispettur Frankie Sammut mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni.

Tliet uffiċjali oħra li isimhom issemma jinkludu d-Deputat Kummissarju Antoine Casha, is-Supretendent Raymond Zammit u l-Ispettur Sandro Camilleri.

Il-fatt li l-kariga qed tkun miftuħa għal persuni minn barra l-Korp waslet ukoll biex bdew jissemmew persuni oħra għall-kariga għalkemm ilkoll għamdhom passat bħala pulizija.

It-tlieta li l-iktar issemmew illum huma avukati – Herman Mula li flimkien mal-GWU qed jiddefendi lis-suldati li ġew interrogati fl-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet b’rabta mal-każ tal-immigranti, Noel Cutajar u Neil Harrison.

Madankollu l-Avukat Cutajar ħareġ jiċħad fejn waqt li iddeskriva l-possibilita ta’ interess bħala ‘fake news’ għamilha ċara li huwa ma kienx interessat fil-kariga u għalhekk ma kienx se japplika.

Kif se sseħħ il-ħatra:

Il-kariga se tkun għal 48 xahar, b’possibilita li tiġi estiża għal aktar perjodi, għalkemm min jinħatar se jkun suġġett għal 12-il xahar ta’ prova bis-salarju se jkun dak fi Skala 2 tas-Servizz Pubbliku.

Minbarra s-salarju l-persuna magħżulha jkollha ‘allowance’ tal-karozza, ‘allowance’ tar-responsabbilta li tkun 20% tas-salarju bażiku, ‘expense allowance’, ‘communications allowance’, ‘project-based allowance’ sa massimu ta’ 20% tas-salarju bażiku u ‘performance bonus’ annwali sa massimu ta’ 15% tas-salarju bażiku.

Wara li tirċievi l-applikazzjonijiet il-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliku (PSC) tibda biex tara jekk l-applikanti jkunux issodisfaw ir-rekwiżiti u jsirilhom dak li jissejjaħ ‘psychometric test’ li soltu jsir biex jiġi stabbilit kemm persuna tkun f’saħħitha mentalment u karatteralment.

Wara jiġu msejjħa għal intervista fi grupp u oħra individwali qabel mal-ħames membri tal-PSC, li jinkludu membri mill-Gvern u l-Oppożizzjoni, jagħżlu ż-żewġ kandidati li l-aktar jidrilhom xierqa għall-kariga.

Iż-żewġ ismijiet jiġu riferuti lill-Kabinett, li minbarra l-Prim Ministru jinkludi l-ministri u s-segretarji parlamentari, u dawn jinfurmaw lill-ministru responsabbli mill-Korp – f’dan il-każ Byron Camilleri – min jidhrilhom li l-aħjar.

L-istess ministru jirreferu l-isem identifikat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi, li huwa iffurmat minn deputati tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, biex f’seduta speċjali jkunu jistgħu jistaqsu lill-persuna dak li jridu u fl-aħħar jagħtu parir favorevoli jew le.

Id-deċiżjoni finali tittieħed mill-Prim Ministru Robert Abela wara li jikkonsulta mal-PSC biex hekk tiġi fi tmiemha l-proċedura l-ġdida li kienet approvata wkoll mill-Parlament anke jekk l-Oppożizzjoni ivvutat kontra għax riedet li l-Kummissarju jinħatar bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tad-membri parlamentari.

Bħalissa l-Korp tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Aġent Kummissarju Carmelo Magri li ngħata r-responsabbilta jmexxih b’mod temporanju wara r-riżenja ta’ Lawrence Cutajar.

Il-persuna li tintagħżel biex tokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizja se tkun il-35 waħda mindu l-Korp twaqqaf 206 snin ilu.

Ekonomija

Sport