Ħadd ma ndarab wara li l-Ħamis waranofsinar tqaċċtet blata kbira minn mal-irdum u spiċċat fuq struttura li tinsab f’Popeye Village fil-Mellieħa.
Fi stqarija, l-operaturi ta’ Popeye Village f’Anchor Bay ikkonfermaw li blata kbira spiċċat fuq waħda mill-istrutturi fil-perimetru tal-villaġġ. Huma żiedu jgħidu li fortunatament il-villaġġ kien diġà magħluq minħabba l-maltemp u li fortunatament ħadd ma kien affettwat minn dan l-inċident.

Huma kkonfermaw ukoll li sar rapport lill-awtoritajiet filwaqt li l-membri tal-protezzjoni ċivili ssejħu biex jagħmlu evalwazzjoni fuq il-post.
Intant fi stqarrija r-Rangers li jieħdu ħsieb il-Park tal-Majjistral fakkru li huma sikwit iwissu, b’mod speċjali fil-maltemp biex il-pubbliku ma jersaqx lejn tarf l-irdum.