Tuesday, February 10, 2026

Illum tintlagħab id-39 edizzjoni tas-Super Cup

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Illum tintlagħab id-39 edizzjoni tas-Super Cup li se tkun kontestata bejn iċ-champions Hamrun Spar­­tans u r-rebbieħa tal-FA Trophy, Hibernians.

Normalment din il-finali tintlagħab bejn iċ-cham­pions u r-rebbieħa tal-FA Trophy iżda kien hemm eċċezzjonijiet meta ntlagħbet bejn iċ-cham­pions u dak it-team li jtemm fit-tieni post tal-kampjonat jekk iċ-champions jirbħu wkoll l-FA Trophy.

Din se tkun it-tielet dehra konsekuttiva għal Hamrun Spartans hekk kif jimmiraw li jirbħu dan l-unur minn daqstant partiti.

Inċidentalment, Hiber­nians kienu l-aħħar team li rebaħ din it-tazza qabel il-monopolju tal-Ħamruniżi meta nhar it-12 ta’ Diċembru, 2022, fl-unika darba li ntlagħbet  fil-Gozo Stadium, huma għelbu lil Floriana 5-4 bl-għoti tal-penalties wara draw ta’ mingħajr goals.

Apparti minn dan il-perjodu, l-Ispartans jimmiraw li joħorġu rebbieħa għat-tmien darba filwaqt li l-Pawlisti jippruvaw għall-ħames darba.

Jekk min-naħa tagħhom, Hibernians jispiċċaw fuq in-naħa telliefa, isiru l-aktar team li tilef il-final b’total ta’ 10 darbiet … hekk kif huma qed jaqsmu dan ir-rekord negattiv (ta’ disgħa) ma’ Sliema Wanderers li l-aħħar darba li rebħu dan l-unur kien fl-2009.

Il-Ħamruniżi jibdew favoriti li joħorġu rebbieħa hekk kif huma komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar bl-inklużjoni ta’ għadd ta’ players fost­hom, Matthew Guillaumier (mingħand il-club Grieg Panserraikos), it-Taljani Danilo Bulevardi u Michele Carboni, il-Kolumbjan Damir Ceter Valencia, in-Niġerjan Blessing Chibuike Eleke,  il-Franċiz Ivan Inzoudine u l-Brażiljan Jonny Torres Do Nascimento li fil-finali tal-2023, fir-rebħa ta’ 4-0 fuq Birkirkara, huwa skorja hat-trick.

Peró, Hibernians żgur li se jqumu għall-okkażjoni u għandhom elementi tajbin biżżejjed biex ikunu sfidanti denji.

Huma ma naqsux li jsaħħu l-iskwadra tagħhom ukoll meta ffirmaw liż-żewġ Maltin, Kurt Shaw (mingħand il-club Taljan Sorrento), Matthew Debattista (mingħand Melita), l-Ukren Denys Norenkov u n-Niġerjan Sunday Akinbule.

Fi tmiem il-ġimgħa li għadda, iż-żewġ timijiet kellhom riżultati kuntrastużi.

Filwaqt li Hibernians spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Tarxien Rainbows, Hamrun Spartans irreġistraw rebħa kbira ta’ 4-0 fuq Naxxar Lions.

Iż-żewġ timijiet iltaqgħu darba f’dan l-istaġun, fl-ewwel fażi tal-Opening Round bil-Ħamruniżi joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0, b’goals minn Joseph Mbong u Semir Smajlagic.

STATISTIKA

*L-ewwel finali tas-Super Cup intlagħbet nhar it-28 ta’ Awwissu, 1985, bejn Rabat Ajax u Zurrieq (2-0).

*L-ewwel goal ġie skorjat mill-player ta’ Rabat Ajax, Edmond Caruana.

 *L-ewwel player barrani li skorja f’din il-kompetizzjoni kien il-player Skoċċiż ta’ Hibernians, Robert Docherty, fit-telfa ta’ 4-2 kontra Rabat Ajax, nhar il-25 ta’ Mejju, 1986.

F’din il-partita huwa skor­ja ż-żewġ goals tal-Paw­listi u għaldaqstant jista’ jitqies ukoll li skorja l-ewwel doppjetta fl-istorja ta’ din it-tazza.

*B’kollox ġew skorjati 115-il goal fit-38 finali preċedenti.

*L-aqwa skorer huwa Joe Zarb b’total ta’ tmien goals fejn skorja sitta ma’ Valletta u tnejn ma’ Hamrun Spartans. 

*Valletta huma l-aktar team li rebaħ dan l-unur b’total ta’ 13-il darba.

It-timijiet l-oħra li niżżlu isimhom fuq dan it-trofew huma: Birkirkara u Hamrun Spartans (7); Hibernians (4); Sliema Wanderers (3); Rabat Ajax u Floriana (2).

Balzan, Zurrieq u Marsa­xlokk ikkontestaw il-finali iżda qatt ma ħarġu rebbieħa.

*Valletta huma l-aktar team li kkontesta din il-finali b’total ta’ 19 … segwiti minn Birkirkara (14); Hibernians (13); Sliema Wanderers (12); Hamrun Spartans (7); Floria­na (5); Rabat Ajax u Balzan (2); Marsaxlokk u Zurrieq (1).

*Hamrun S. u Rabat A. huma l-uniċi li rebħu l-finali tagħhom.

*Mill-1985, din il-finali ma ntlagħbitx darbtejn, fl-2020 u fl-2021, minħabba l-Covid-19.

Din it-tazza l-aktar li damet fi club wieħed għal perjodu konsekuttiv kien dak ta’ Birkirkara meta damet għal ħames snin sħaħ bejn l-2002 u l-2026, meta għelbu lil Sliema Wanderers tliet darbiet u lil Hibernians darbtejn. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport