Wednesday, May 21, 2025

Illum tintlagħab il-finali tal-Europa League bejn Tottenham u Man Utd

Aqra wkoll

Illum tintlagħab il-finali tal-UEFA Europa League bejn iż-żewġ timijiet Ingliżi, Manchester United u Tottenham, f’San Mames Stadium, f’Bilbao, liema partita tibda fid-9.00 pm. 

Din il-finali qed tqaj­jem bosta mistoqsijiet min­ħabba li se tintlagħab bejn żewġ timijiet li kel­lhom staġun diżastruż hekk kif jinsabu fis-16 u fis-17-il postijiet fil-klassifika tal-Premier Lea­gue Ingliż, li jfissru, l-aħħar żewġ pos­tijiet qabel iż-żona l-ħamra. 

Fit-tliet partiti bejn iż-żewġ timijiet Ingliżi f’dan l-istaġun, Tottenham ħarġu rebbieħa fit-tliet okkażjonijiet. 

Fl-ewwel laqgħa fil-Premier League, il-players ta’ Ange Postecoglou għelbu lil dawk ta’ Erik ten Hag bl-iskor ta’ 3-0 qabel ma ż-żewġ timijiet reġgħu ltaqgħu fil-League Cup, fejn Spurs ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-3 fuq l-istess Red Devils, din id-darba mmexxija minn Ruben Amorim. 

Imbagħad Spurs għelbu lill-United għat-tieni darba fl-istaġun fil-kampjonat meta James Maddison skorj­­a l-uniku goal tal-partita.

Fil-bidu tal-istaġun, il- manager Awstraljan kien mistenni jkompli jibni fuq l-istaġun li għadda wara li Spurs temmew fil-ħames post tal-klassifika u b’ritorn għall-UEFA Cham­pions League. 

Iżda sfortunatament, il- pjani tiegħu tħarbtu għal kollox minħabba l-bosta injuries li diversi players sofrew bil-konsegwenza li xejn ma kienu konsistenti biex il-prestazzjonijiet tagħhom kienu medjokri għall-aħħar u ma kienet l-ebda sorpriża li jinsabu fis-17-il post tal-klassifika.  

Filwaqt li Spurs ġew eliminati fis-semi-finali tal-League Cup b’aggregate ta’ 4-0 kontra Liverpool, huma spiċċaw fir-raba’ post fil-klassifika tal-kampjonat tal-UEFA Europa League u għelbu lit-timijiet ta’ AZ Alkmaar, Eintracht Frankfurt, u Bodo-Glimt biex ikkwalifikaw għall-finali tal-lum. 

Filwaqt li Tottenham kis­bu 20 rebħa fl-istaġun li għadda biex spiċċaw fil-ħames post, huma sofrew 21 telfa f’dan l-istaġun liema ċifra hija inaċċettabbli għal-livell tagħhom. 

U ma kienet l-ebda sorpriża li fil-ġimgħat li għaddew, ħarġet l-aħbar li Postecoglu se jitkeċċa mill-kariga tiegħu anke jekk jirbħu dan l-unur.

Bħal Tottenham, ir-Red Devils kienu milquta minn bosta injuries u taħt it- tmexxija tal-manager, Erik ten Hag, kienu għaddejin minn forma fqira, tant, li f’Novembru li għadda tkeċċa mid-dmiri­jiet tiegħu meta kienu qed jokkupaw l-14-il post kif ukoll naqas li jirbaħ l-ew­wel tliet partiti tal-Europa League fil-fażi tal-kapjonat. Iżda taħt ir-res­ponsabbiltá ta’ Rubin Amorin, it-team niżel fis-16-il post.

Peró f’din il-kompetizzjoni t-team wera konsis­tenza biex  kien jimmeritah jikkwalifika għall-finali … u huwa l-uniku team li għadu ma ġiex megħlub f’din il-kompetizzjoni Ewropea f’dan l-istaġun. 

Nhar il-Ġimgħa li għad­da, huma sfaw megħluba għand Chelsea bl-iskor ta’ 1-0, bil-goal jasal minn Marc Cucurella, biex din kienet it-18-il telfa tagħhom tal-istaġun. 

Aktar minn hekk, ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar tmien partiti .. li hija l-akbar sensiela negattiva tagħhom fil-Premier League.  

Il-pressjoni hija ċertament fuq iż-żewġ timijiet. Dan minħabba li minkejja li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika, huma jridu jirbħu dan l-unur minħabba li permezz tiegħu jikkwalifikaw għall-UEFA Champions League u jirċievu pakkett finanzjarju kbir kif ukoll li jippermettilhom li jattiraw players ta’ klassi mondjali.

Jidher li wara li mpres­sjona kontra Aston Villa, il-goalkeeper Antonin Kinsky, se jkun preferut minn Guglielmo Vicario, b’Rodrigo Bentancur, Dominic Solanke, Brennan Johnson u Pedro Porro wkoll se jirritornaw.

Heung-min Son, li lagħab għall-ewwel darba kontra l-Villans wara injury fit-tul, mistenni li jżomm postu  iżda Dejan Kulusevski, James Maddison, Lucas Bergvall, Timo Werner u Radu Dragusin se jkunu kollha neqsin minħabba li qed jirkupraw minn injury. 

Min-naħa ta’ Manchester United, Mason Mount u Amad Diallo, mistennija li jkunu fil-formazzjoni inizjali wara li ħallew impres­sjoni tajba fis-semi-finali kontra Athletic Bilbao. 

Iżda Matthijs de Ligt, Leny Yoro u Diogo Dalot huma kollha dubjużi filwaqt li Lisandro Martinez u Joshua Zirkzee jinsabu mweġġgħin. 

Ir-referee se jkun il-Ġermaniż, Felix Zwaye, u se jkun assistit mill-kompatrijotti, Ro­bert Kempter u Christian Dietz 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport