Friday, June 6, 2025

Illum tintlagħab il-finali tal-FA Cup

Aqra wkoll

Illum fil-5.30 pm f’Wembley Stadium se tintlagħab l-144 finali tal-FA Cup li hija l-eqdem kompetizzjoni knock-out fid-dinja bil-protagonisti jkunu Manchester City u Crystal Palace.

Is-City se jidhru fl-14-il finali tagħhom meta fil-passat rebħu t-tazza seba’ darbiet waqt li l-Palace se jid­hru fit-tielet finali tagħhom bit-tnejn preċedenti jkunu kontra Manchester United li huma tilfu fiż-żewġ okkażjonijiet, fl-1990 1-0 wara draw 3-3 u fl-2016 2-1 wara l-ħin barrani. Huma wieħed minn erba’ clubs li lagħbu f’żewġ finali mingħajr qatt ma rnexxilhom jirbħu t-trofew flimkien ma’ Queen’s Park (1884 u 1885), Birmingham City (1931 u 1956) u Watford (1984 u 1919).

Is-seba’ rebħiet tas-City ipoġġuhom wara biss Arsenal (14), Manchester United (13) u Chelsea, Liverpool u Tottenham (8 kull wieħed).

Fil-finali tas-sena l-oħra s-City tilfu l-FA Cup 2-1 kontra l-United. Kien darba biss qabel li huma tilfu f’dehriet konsekuttivi f’finali domestiċi (FA Cup/League Cup), fejn tilfu fil-logħbiet vetrina tal-FA Cup fl-1926 u fl-1933 kontra Bolton u Everton rispettivament.

Is-City rebħu l-aħħar tliet laqgħat tal-FA Cup mal-Pa­lace bl-iskor aggregate ta’ 18-4. L-aktar waħda riċenti kienet fir-raba’ round fl-2016-17 meta rebħu 3-0 f’Selhurst Park.

Man City huma bla telfa fl-aħħar seba’ laqgħat mal-Eagles fil-kompetizzjo­nijiet kollha (R4 D3) wara telfa ta’ 2-0 fil-Premier Lea­gue f’Ottubru, 2021.

Fil-goals konċessi,  il-Pa­­lace marru l-aħjar meta sofrew wieħed biss kontra Millwall waqt li skorjaw 12 bis-City isofru tlieta iżda jiskorjaw 17 l-aktar bis-saħħa tar-rebħa 8-0 kontra Salford City ta’ League Two.

Wara li naqsu li jirbħu l-kampjonat għar-rekord es­tiż ta’ ħames darbiet konsekuttivi, it-team ta’ Pep Guardiola għandu l-logħba tal-lum bħala konsolazzjoni biex ma jtemmux l-istaġun b’idejhom vojta.

Min-naħa tal-manager tal-Palace, Oliver Glasner se jkun l-ewwel Awstrijak li se jmexxi team fil-finali tal-FA Cup meta bi players bħal Dean Henderson bejn il-lasti, Marc Guehi jipproteġih fil-qalba tad-defiża, Jean-Pierre Mateta u Eberechi Eze jistinkaw f’nofs il-ground u fl-attakk, huwa għandu materjal biex iħabbat lill-avversarji li dan l-istaġun kienu team mibdul wara li f’Settembru tilfu lill-midfielder Rodri mweġġa’ li għadu barra sal-lum.

Il-Belġjan Kevin De Bruyne mistenni jilgħab fir- raba’ u probabbli fl-aħħar finali tiegħu meta se jtemm il-karriera brillanti tiegħu fl-Etihad Stadium.

Min-naħa l-oħra l-iskorer prolifiku, Erling Haaland, qatt ma skorja fil-ħames dehriet mas-City f’Wembley bi tlieta minnhom ikunu fl-FA Cup. Huwa reġa’ daħal fit-team wara assenza xi ftit twila fejn irritorna bla goal minkejja li l-avversarji kienu r-relegati Southampton.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport