Illum, fl-Allianz Arena ta’ Munich, tintlagħab il-finali tas-70 edizzjoni tat-Tazza Ewropea u t-33 waħda mindu ngħatat l- isem ta’ ‘UEFA Champions League’.
Din se tintlagħab bejn il-Franċiżi ta’ Paris St-Germain u t-Taljani Inter hekk kif mistennija tkun waħda epika.
Filwaqt li din se tkun it-tieni finali għall-Pariġini, se tkun ukoll is-seba’ waħda għall-Interisti meta jkunu qed ifittxu li jirbħuha għar-raba’ darba.
Il-Franċiżi se jkunu qed ifittxu l-ewwel suċċess minħabba li fl-ewwel finali tagħhom, fl-2020, huma sfaw megħluba minn Bayern Munich bl-iskor ta’ 1-0.
Fil-passat, in-Nerazzurri rebħu din it-Tazza fl-1964, fl-1965 u fl-2010 … b’din tal-aħħar tkun waħda storika meta fil-finali għelbu lil Bayern Munich u li biha rebħu t-Treble taħt il-coach Portugiż, José Mourinho.
Iżda mbagħad huma tilfu fl-1967, fl-1972 u fl-2023.
Fl-aktar waħda riċenti, huma sfaw megħluba minn Manchester City bl-iskor ta’ 1-0, b’dawn tal-aħħar ikunu taħt il-gwida tal-coach Pep Guardiola.
Taħt ir-responsabbiltá tal-coach, Luis Enrique, PSG bidlu l-istil ta’ logħob tagħhom għal wieħed aktar kollettiv … kompletament differenti mill-era ta’ Lionel Messi, Neymar u Kylian Mbappe.
Din ir-riforma wasslet għal team aktar żagħżugħ u dinamiku.
PSG diġà rebħu t-13-il titlu ta’ Ligue 1. Il-players ewlenin jinkludu lil Ousmane Dembele, li skorja ‘il fuq minn 30 goal u rreġistra aktar minn 10 assists f’dan l-istaġun, flimkien mal-goalkeeper Gianluigi Donnarumma li kien kruċjali fil-kampanja Ewropea tagħhom. L-akkwist tal- winger Ġorġjan, Khvicha Kvaratskhelia, f’Jannar li għadda, żied aktar ħila u kreattiva fl-attakk.
Taħt it-tmexxija tal-coach, Simone Inzaghi, Inter urew karattru qawwi f’dan l-istaġun iżda fl-istess waqt jistgħu jispiċċaw b’idejhom vojta hekk kif ftit tal-jiem ilu ‘ċedew’ l-isfida tal-Iscudetto.
Wara li eliminaw lil Bayern Munich, rebħu logħba epika kontra Barcelona bl-iskor ta’ 4-3 wara l-ħin barrani.
Il-captain, Lautaro Martinez, kien f’forma brillanti b’disa’ goals fil-kompetizzjoni b’format ġdid, inklużi dawk deċiżivi fil-kwarti-finali u s-semi-finali.
F’nofs il-ground, Hakan Calhanoglu u Nicolò Barella kienu essenzjali biex żammew kontroll u kreattività filwaqt li l-goalkeeper, Yann Sommer, bejn il-lasti, kien stabbli u affidabbli.
Din il-finali se tkun ġlieda tattika liema riżultat jista’ jmur kull naħa u li tista’ tiġi deċiża bl-għoti tal-penalties.
L-attakk veloċi tal-Pariġini, immexxi minn Dembele u Kvaratskhelia, se jkun test diffiċli għad-difiża organizzata ta’ Inter li hija komposta minn Alessandro Bastoni, Benjamin Pavard, Denzel Dumfries u Federico Dimarco.
Se jkun hemm taqtiegħa interessanti min se jirbaħ nofs il-ground, jekk hux it-trio Pariġin, iffurmat minn Fabian Ruiz, Vitinha u Desire Doue … jew inkella dak tan-Nerazzurri, kompost minn Barella, Calhanoglu u Marcus Thuram.
Iż-żewġ timijiet jinsabu f’forma brillanti. F’din il-kompetizzjoni ta’ dan l-istaġun, il-Franċiżi skorjaw 33 goals u sofrew 15 minn 16-il partita filwaqt li Inter skorjaw 26 goals u qalgħu 11 minn 14-il partita.
Bil-potenzjal offensiv li jippossjiedu, fil-mixja tagħhom sal-finali l-Pariġini eliminaw lit-tliet timijiet Ingliżi ta’ Liverpool, Aston Villa u Arsenal u bla dubju dan il-fatt jagħtihom injezzjoni u kunfidenza morali.
Madanakollu, l-esperjenza u l-konsistenza ta’ Inter jagħmluhom avversarji diffiċli ħafna.
Din se tkun it-tieni finali bejn timijiet Franċiżi u Taljani meta fl-1993, Olympique Marseille kienu għelbu lil Milan bl-iskor ta’ 1-0.
U filwaqt li l-Pariġini qed jiġru wara t-Treble, Inter jistgħu jtemmu l-istaġun fuq l-ogħla nota jew inkella b’diżappunt kbir li jista’ jwassal għat-tkeċċija tal-coach, Simone Inzaghi, minħabba li ma jkunu rebħu xejn.
Filwaqt li l-coach Inzaghi għandu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, dak Pariġin, Enrique, se jkollu jgħaddi mingħajr is-servizzi tad-difensur, Presnel Kimpembe, li qed jirkupra wara li ġie operat f’siequ.
Din il-finali se tkun ikkontrollati mir-referee Rumen, Istvan Kovacs, assistit minn Mihai Marica u Ferencz Tunyogi.