Saturday, December 21, 2024

Illum tintlagħab il-finali tal-UEFA Conference League bejn Roma u Feyenoord

Aqra wkoll

Illum fl-Arena Kombetare ġdida fjamanta ta’ Tirana fl-Albanija se tintlagħab l-ewwel finali tal-UEFA Europa Conference League bejn żewġ timijiet li jgħixu fid-dell tar-rivali li domestikament kisbu success aktar minnhom, AS Roma tal-Italja u Feyenoord tal-Olanda.

L-uniċi laqgħat preċedenti bejniet­hom kienu fir-round tal-Aħħar 32 tal-Europa League seba’ snin ilu b’Roma javvanzaw b’aggregate ta’ 3-2.

L-uniku trijonf Ewropew ta’ Roma wasal fl-1961, meta għelbu lil Birmingham City 4-2 fil-finali tat-Tazza tal-   Fie­ri.

Il-Giallorossi ilhom ma jirbħu unur mill-Coppa Italia tal-2008 u għalhekk, biex jindirizza dan, ir-rebbieħ tas-sensieli, José Mourinho, inħatar fis-sajf li għadda.

Minn mindu daħlu fir-round tal-play-off, Roma ħadu din il-kompetizzjoni b’serjetà kbira, fejn warrbu lil Trabzonspor qabel ma ssuperaw il-grupp tagħhom.

Fil-fażi tan-knockout, huma elimi­naw lil Vitesse u Bodo/Glimt biex waqqfu semi-finali kontra Leicester City.

Wara draw ta’ 1-1 fl-East Midlands, id-daqqa ta’ ras qawwija ta’ Tammy Abraham fi Stadio Olimpico bbukkjat posthom f’din il-finali.

Il-partitarji Romani huma kollha wara Mourinho fejn jemmnu li n-nixfa għall-unuri waslet biex tintemm.

Il-coach Portugiż jista’ jsir biss it-tieni manager li jirbaħ l-ewwel, it-tieni u t-tielet trofej Ewropej, wara Giovanni Trapattoni.

Ma ngħoddux barra lil Feyenoord għalkemm din se tkun id-19-il logħba Ewropea tagħhom tal-istaġun, wa­ra li bdew fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni fit-22 ta’ Lulju.

F’din il- mixja, it-team ta’ Arne Slot skorja 43 goal, u skorja tlieta jew aktar kontra Drita, Lucern, Elfsborg, Union Berlin, Partizan u Slavia Praha.

Is-semi-finali tagħhom kontra Marseille kienet dejjem se tkun kompetizzjoni aktar mill-qrib hekk kif iltaqgħu żewġ eks Champions Ewropej.

L-ewwel leg f’De Kuip kien deċiż b’goal skorjat 14-il sekonda biss fit-tieni taqsima.

Il-ġganti Olandiżi mbagħad iddefendew il-vantaġġ tagħhom ta’ 3-2 fi Stade Velodrome ġimgħa wara, u kisbu l-aktar draw memorabbli ta’ mingħajr goals.

Għalhekk, Feye­noord ikkwalifikaw għar-raba’ finali Ewropea tagħhom, u qed ifittxu li jżommu r- rekord ta’ 100% tagħhom f’dawn l-okkażjonijiet.

Sal-lum, Feyenoord rebħu t-Tazza Ewropea fl-1970 u t-Tazza UEFA fl-1974 u fl-2002, fejn għelbu lil Celtic, Tottenham u Borussia Dortmund rispettivament.

Issa, qed ifittxu li jżidu din il-kompetizzjoni mal-lista tal-unuri tagħhom. Iżda min se jiġi nkurunat l-ewwel rebbieħ tal-Europa Conference League?

Il-player ewlieni ta’ Roma dan l-istaġun, bla dubju, kien l-attakkant Tammy Abraham li huma xtraw mingħand Chelsea.

Nhar il-Ġimgħa fil­għaxija kontra Torino huwa għalaq l-istaġun b’27 goal, li disgħa minnhom ġew fl-Ewropa. Infatti 27 huwa l-aktar li qatt skorja xi player fl-ewwel kampanja tiegħu ma’ Roma, u ki­ser ir-rekord li kellhom Gabriel Batistuta u Vincenzo Montella.

Fi tmiem il-ġimgħa Nicolo Zaniolo ġie mserraħ, iżda llum se jirritorna minflok Eldor Shomurodov. Il-captain Lorenzo Pellegrini se jkompli warajh iżda  Henrikh Mkhitaryan jinsab imweġġa’. Fuq wara, Marash Kumbulla se jħossu f’daru, wara li diġà lagħab darbtejn mal-Albanija fl-istess sta­dium aktar kmieni dan l-istaġun.

Chris Smalling jirritorna flimkien ma’ Roger Ibanez u Gianluca Mancini.Il-goalkeeper Rui Patricio, se jilgħab il-11-il finali għal club u għal pajjiżu. Il-wing-back Leonardo Spinazzola li weġġa’ l-achilles tendon fil-Euro 2020, jista’ jibda mill-bidu.

Min-naħa ta’ Feyenoord se jidħlu Bryan Linssen, Patrik Walemark jew, wisq probabbli, Reiss Nelson li beda l-aħħar seba’ logħbiet Ewropej.

Il-midfielder ewlieni Orkun Kokcu ħoloq kontra Twente, iżda jittama li jkun tajjeb biex jibda.

Id-difensur ċentrali Marcos Senesi għamel 48 dehra dan l-istaġun, u jittama li d-49 tispiċċa bih jerfa’ l-oġġett tal-fidda ‘l fuq.

Rinus Israel u Paul Bosvelt huma l-uniċi żewġ captains li mexxew lil Fe­yenoord għall-glorja Ewropea. Tgħid Senesi jsir it-tielet wieħed?

KIF AKTARX JILAGĦBU

Roma: Patricio; Mancini, Smalling, Ibanez; Karsdorp, Cristante, Oliveira, Pellegrini, Zalewski; Zaniolo, Abraham.

Feyenoord: Marciano; Geertruida, Trauner, Senesi, Malacia; Til, Aursnes, Kokcu; Nelson, Dessers, Sinisterra.

Referee: Istvan Kovacs (Rumanija).

Diretta fid-9.00 pm fuq Go u Melita

Ekonomija

Sport