Wednesday, August 13, 2025

Illum tintlagħab il-finali tas-Super Cup Ewropea

Aqra wkoll

Paris Saint-Germain u Tottenham Hotspur jiltaqgħu llum fis-Super Cup Ewropea liema finali se tintlagħab fi Stadio Friuli, fil-belt ta’ Udine, fl-Italja.

Iż-żewġ timijiet għelbu mumenti diffiċli fi stadji diversi fl-istaġun 2024-25 biex il-Pariġini rebħu l-UEFA Champions League filwaqt li Spurs rebħu l-UEFA Europa League … u issa għandhom l-opportunità li jirbħu trofew ieħor.

Kien staġun li qatt m’hu se jintesa għall-Franċiżi, hekk kif rebħu erba’ trofej.

Is-suċċess f’Ligue 1 u t-Tazza Franċiża wasal b’faċilità kbira għat-team immexxi millcoach, Luis Enrique, li kienu rebħu l-League Cup Franċiża aktar kmieni matul is-sena, iżda m’hemmx dubju li r-rebħ taċ-Champions League kien l-akbar suċċess għalihom.

PSG saru biss it-tieni team Franċiż li ġie nkurunat champions Ewropej fejn ingħaqdu mar-rivali Marseille … u wara għaxar snin u nofs ta’ investiment intens mill-Investiment tal-Awtoritá tal-Qatar. 

Dan inkiseb ukoll b’mod emfatiku, hekk kif fil-finali l-Pariġini għelbu lil Inter bl-iskor kbir ta’ 5-0, fi Munich, f’Mejju li għadda, u kisru r-rekord għall-akbar rebħa li qatt ġiet reġistrata f’finali f’din il-kompetizzjoni.

Dan għalkemm PSG sfaw megħluba fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Clubs, ftit tal-ġimgħat ilu, kontra Chelsea bl-iskor ta’ 3-0.

Dik il-kompetizzjoni fl-Istati Uniti fissret li PSG ma kellhomx ċans għal-logħbiet ta’ ħbiberija minn meta rritornaw għall-pre-season, bl-istaġun 2024-25 tagħhom jintemm biss inqas minn xahar ilu, u mill-ewwel se jkunu qed jibdew bl-impenji tagħhom f’Ligue 1 kontra Nantes, fi tmiem il-ġimgħa.

Min-naħa l-oħra, Spurs kellhom programm estensiv tal-pre-season, fejn lagħbu sitt logħbiet ta’ ħbiberija taħt il-gwida tal-manager il-ġdid, Thomas Frank, u baqgħu bla megħluba sakemm tilfu bl-iskor kbir ta’ 4-0 kontra Ba­yern Munich, ftit tal-jiem ilu.

It-tmiem ta’ 17-il sena ta’ stennija għar- rebħ ta’ trofew ma kienx biżżejjed biex isalva post Ange Postecoglou minħabba li l-mana­ger Awstraljan tkeċċa mill-kariga tiegħu wara li spiċċa fis-17-il post fil-Premier League, minkejja li wassalhom għall-glorja tal-Europa League, f’Mejju.

Sinjal pożittiv bikri kien li għelbu lir-rivali Arsenal f’logħba ta’ ħbiberija f’Hong Kong, iżda din il-finali se tagħti indikazzjoni ferm aktar ċara ta’ fejn jinsabu Spurs hekk kif qed jippreparaw għall-esperjenza tagħhom fiċ-Champions League.

L-ebda team minn bejn Tottenham u PSG ma rebaħ is-Super Cup qabel, u din se tkun l-ewwel dehra ta’ Spurs f’din il-finali, filwaqt li l-Pariġini iridu jinsew l-esperjenza tal-istaġun 1996-97 meta kienu rebħu t-Tazza UEFA, iżda tilfu b’aggregate kbir ta’ 9-2 (6-1, 3-1) kontra Juventus.

PSG kienu fortunati li l-maġġoranza tal-iskwadra tagħhom baqgħet disponibbli sat-tmiem tal-istaġun li għadda, u dan għadu l-każ, minħabba li l-coach Luis Enrique se jkollu t-team kollu għad-dispożizzjoni tiegħu.

L-unika bidla notevoli se tkun bejn il-lasti, fejn jidher li Gianluigi Donnarumma se jħalli lill-club, bil-goalkeeper ta’ Lille, Lucas Cheva­lier qed jitqies bħala s-sostitut poten­zjali tiegħu. Infatti, Donnarumma ma vjaġġax mal-iskwadra.

Willian Pacho u Lucas Hernandez it-tnejn tilfu l-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Clubs minħabba sospensjoni iżda se jirritornaw f’din il-finali. Joao Neves huwa sospiż żewġ partiti mill-FIFA wara li tkeċċa fil-finali kontra Chelsea.

Tottenham se jkunu mingħajr James Maddison għall-maġġoranza tal-istaġun li ġej wara li sofra injury meta ċarrat il-ligamenti tal-irkoppa f’partita ta’ ħbiberija kontra Newcastle United aktar kmieni fil-pre-season, u ngħaqad ma’ Dejan Kulusevski u Radu Dragusin li ilhom barra mill-azzjoni hekk kif għadhom qed jirkupraw minn injury.

Dominic Solanke wkoll tilef il-biċċa l-kbira tal-pre-season, għalkemm ir-ritorn tiegħu huwa mistenni fil-futur qrib, iżda mhux f’din il-finali.

Nuqqas ieħor għal Spurs huwa d-difensur Destiny Udogie li mistenni wkoll jitlef l-ewwel partita tal-Premier League Ingliż, kontra Burnley, minħabba injury fl-irkoppa.

Il-formazzjoni probabbli tat-timijiet hija:

Paris Saint-Germain: Chevalier; Hakimi, Marquinhos, Pacho, Nuno Mendes; Zaire-Eme­ry, Vitinha, Fabian Ruiz; Doue, Dembele, Kvaratskhelia

Tottenham Hotspur: Vicario; Pedro Porro, Romero, Van de Ven, Spence; Bentancur, Palhinha, Sarr; Johnson, Richarlison, Kudus

Il-partita se tintlagħab fid-9.00 pm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport