Friday, December 13, 2024

Illum tintlagħab is-Super Cup bejn Hamrun S.  u Sliema W.

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Illum tintlagħab it-38 edizzjoni tas-Super Cup li se tkun kontestata bejn iċ-champions Hamrun Spartans u r-rebbieħa tal-FA Trophy, Sliema Wanderers.

Normalment, din il-finali tintlagħab bejn iċ-champions u r-rebbieħa tal-FA Trophy iżda f’każ li team jirbaħ id-double, it-tieni finalist ikun dak it-team li jispiċċa fit-tieni post fil-kampjonat.

Din il-finali bdiet tintlagħab mill-1985 iżda din inqabżet għal sentejn – fl-2020 u fl-2021 – minħabba l-Covid-19.

Hamrun Spartans rebħu l-finali kollha li lagħbu fihom, b’total ta’ sitta filwaqt li Sliema Wanderers rebħu dan l-unur tliet darbiet minn 11-il finali.

L-aktar team li kkontesta din il-finali huwa dak ta’ Valletta, b’total ta’ 19-il waħda li fihom ħarġu rebbieħa 13-il darba.

L-attakkant tagħhom, Joe Zarb, huwa l-aqwa skorer ta’ din il-kompetizzjoni b’total ta’ tmien goals, segwit minn Michael Mifsud li skorja sitta (tnejn ma’ Sliema Wanderers u erbgħa ma’ Valletta).

Din hija t-tielet darba li Hamrun Spartans u Sliema Wanderers se jiltaqgħu f’din il-finali.

Fl-ewwel finali, li ntlagħbet nhar it-8 ta’ Mejju, 1988, Hamrun Spartans kienu rebħu bl-iskor ta’ 1-0, wara l-ħin barrani, bil-goal jasal  minn Leo Refalo, fil-107 minuti.

Fit-tieni finali, li ntlagħbet nhar fl-24 ta’ Frar, 1989, l-Ispartans kienu ħarġu rebbieħa 4-3 bil-penalties wara li konfront intemm fi draw ta’ 3-3.

L-iskorers tal-Wanderers kienu Hubert Suda (11, 12 pen) u Martin Gregory (65) filwaqt li Stefan Sultana (28), Julian Micallef (32) u Ian Leigh (79 pen) irrispondew għall-Ħamruniżi. Ta’ min jgħid li Leigh kien l-ewwel goalkeeper, f’din il-kompetizzjoni, li niżżel ismu fost l-iskorers.

F’dan l-istaġun, iż-żewġ timijiet iltaqgħu darbtejn fil-kampjonat, bl-ewwel partita tintemm f’rebħa ta’ 1-0 għall-Wanderers, b’goal ta’ Murilo Henrique (19 pen) filwaqt li l-oħra ntemmet fi draw 1-1 … fejn Luke Montebello (81) kien fetaħ l-iskor għall-Ispartans u s-Slimiżi kienu għamlu l-iskor indaqs minn auto-goal ta’ Sven Xerri (89).

Hamrun se jkunu msaħħa bir-ritorn tad-difensur Steve Borg li issa jidher li rkupra għal kollox minn injury iżda tilfu lill-midfielder promettenti, Shaisen Attard, li sofra injury fil-cruciate.

Il-partita se tintwera diretta fuq TVMSport fil-5.00 pm.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport