Monday, December 23, 2024

Illum tintlagħab it-tieni ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi tal-UCL

Aqra wkoll

Bejn illum u għada tintlagħab t-tieni ġurnata tal-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League, bl-aktar logħba attraenti tkun dik bejn Paris St Germain u Manchester City. 

Logħbiet oħra interessanti huma FC Porto v Liverpool, Milan v Atletico Madrid, Juventus v Chelsea u Manchester United v Villarreal.

Paris SG v Man City – Wara li ġew miżmuma fil-Belġju minn Club Brugge bl-iskor ta’ 1-1, issa Paris St Germain ma jistgħux ifallu meta jilqgħu lil Manchester City.

Minn dak in-nhar huma rebħu l-logħbiet kollha tagħhom fil-kampjonat domestiku biex għandhom punti massimi.  

Min-naħa tas-City, dawn jinżlu b’moral għoli wara li ġejjin minn rebħa barra minn darhom kontra Chelsea (1-0) fil-Premier League Ingliż.

Għal din il-logħba, il-Pariġini se jkunu mingħajr l-imweġġa’ Sergio Ramos u s-sospiż Angel di Maria filwaqt li Marco Verratti u Lio­nel Messi jinsabu f’sikkithom.

Min-naħa tat-team Ingliż, Ilkay Gundogan u Oleksandr Zinchenko se jsirilhom test aħħari biex jiġu dikjarati f’sikkithom.

Porto v Liverpool – Liverpool imorru jilagħbu għand Porto f’partita li hija meqjusa diffiċli. Huma qed jillidjaw Grupp B u rebħa tpoġġihom f’pożizzjoni ideali lejn il-kwalifikazzjoni minħabba li jsaħħu l-quċċata. Iżda rebħa għall-Portugiżi tarahom jaqbżu lir-Reds.

Huma għandhom lil Chancel Mbemba sospiż filwaqt li Pepe huwa dubjuż. Min-naħa ta’ Liverpool, dawn se jkollhom jgħaddu mingħajr l-imweġġgħin Harvey El­liot, Thiago Alcantara u Naby Keita.

Milan v Atletico Madrid – Milan jospitaw lil Atleti­co Madrid u wara li sfaw megħluba 3-2 minn Liver­pool, il-pressjoni tinsab kollha fuqhom hekk kif l-Ispanjoli sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Porto.

Huma għandhom neq­sin lil Tiemoue Bakayoko, Rade Krunic u Alessandro Florenzi, minħabba li qed jirkupraw minn injury filwaqt li Simon Kjaer u Zlatan Ibrahimovic huma dubjużi.

Għall-Ispanjoli, Thomas Lemar jinsab imweġġa’ filwaqt li  Stefan Savic huwa sospiż.

Juventus v Chelsea – Minkejja li Juventus rebħu l-ewwel partita ta’ din il-fażi bl-iskor ta’ 3-0 għand Malmo, xejn ma huma qed jimpres­sjonaw fil-logħob tagħhom, speċjalment fil-kampjonat Taljan.

Huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tal- imweġġgħin Kaio Jorge, Arthur u Paulo Dybala, filwaqt li Alvaro Morata huwa dubjuż.

Chelsea, li ġejjin minn telfa f’darhom kontra Manchester City fil-Premier Lea­gue, għandhom lil Christian Pulisic imweġġa’.

Man Utd v Villarreal – Dan il-konfront se jlaqqa’ lill-finalisti tal-UEFA Europa League tal-istaġun li għadda bl-Ispanjoli joħorġu rebbieħa bl-għoti tal-penalties.

Ir-Red Devils għandhom lil Aaron Wan-Bissaka sospiż u lil Marcus Rashford imweġġa’ filwaqt li Villar­real se jilagħbu mingħajr  l-imweġġgħin Gerard Moreno, Dani Raba, Samuel Chukwueze,  u s-sospiż Francis Coquelin.

Ekonomija

Sport