Bejn illum u għada tintlagħab ir-raba’ ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League fejn jibdew jikkwalifikaw it-timijiet għar-round tal-Aħħar 16.
Teżisti possibbiltá kbira li l-erba’ timijiet li għandhom punti massimi, jiġifieri, Liverpool, Ajax, Bayern Munich u Juventus, jaqtgħu l- passaġġ tagħhom għar-round li jmiss.
Fi Grupp A, Paris St Germain u Manchester City mistennija jkomplu jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom meta jiffaċċjaw lil RB Leipzig u lil Brugge rispettivament.
Fi Grupp B, Liverpool jospitaw lil Atletico Madrid f’partita delikata. Minkejja li kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2, ir-Reds iridu jsolvu l-problema ta’ kif jiddefendu hekk kif Fabinho, Naby Keita u Thiago Alcantara se jkunu neqsin.
Fi Grupp C, Ajax imorru jilagħbu għand Borussia Dortmund hekk kif dawn tal-aħħar iridu jpattu għad- diżappunt tat- telfa ta’ 4-0 kontra l-Olandiżi.
Rebħa hija mperattiva għall-Ġermaniżi minħabba li jistgħu jintlaħqu minn Sporting Lisbon … bil-logħba li jmisshom tkun proprju għand l-istess Portugiżi.
Borussia għandhom bosta players neqsin, fosthom Erling Haaland, Raphael Guerreiro, Nicol Schulz u Giovanni Reyna.
Grupp D għadu miftuħ beraħ hekk kif it-team Moldovan, Sherif Tiraspol, huwa s-sorpriża ta’ din il-kompetizzjoni. Huwa jospitaw lil Inter fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tat-team Taljan.
Real Madrid jilqgħu lil Shakhtar Donetsk fejn iridu juru rispett massimu lejn l-Ukreni hekk kif għandhom esperjenza qarsa tagħhom minħabba li fl-istaġun li għadda sfaw megħluba fiż-żewġ logħbiet.
Fi Grupp E, Bayern Munich, jibdew favoriti netti li jiksbu t-tliet punti meta jilqgħu lil Benfica fejn għandhom il-players kollha għad-dispożizzjoni.
Barcelona għandhom partita mill-aktar diffiċli meta jmorru jilagħbu kontra Dinamo Kiev. Rebħa għall-Ukreni tħalli lill-Katalani fl-aħħar post tal-klassifika li ftit tal- jiem ilu keċċew lill-coach, Ronald Koeman.
Fi Grupp F, Manchester United għandhom test kbir li jista’ jiddetermina l-futur tal-manager, Ole Gunnar Solskjaer, hekk kif il-kariga tiegħu tinsab mhedda wara sensiela ta’ riżultati negattivi.
Ir-Red Devils mistennija jinżlu bl-istess formazzjoni li biha għelbu lil Tottenham bl-iskor ta’ 3-0 nhar is-Sibt li għadda.
Fi Grupp H, Juventus jilqgħu lil Zenit St Peterburg. Bla dubju, il-Bianconeri jridu jinsew il-forma domestika hekk kif ġejjin minn żewġ telfiet xejn mistennija kontra Sassuolo u Verona bl-iskor identiku ta’ 2-1 biex prattikament huma maqtugħin mill-isfida għar- rebħ tal-Iscudetto.
Huma għandhom lil Federico Bernardeschi, Moise Kean u Matteo De Sciglio qed jirkupraw minn injury.
Chelsea jmorru jilagħbu l-Isvezja għand Malmo fejn mistennija joħorġu bit-tliet punti hekk kif bħalissa għaddejjin minn mument mill-aktar pożittiv fejn anke qed jillidjaw il-klassifika tal- Premier League Ingliż.