Sunday, October 27, 2024

Illum tirritorna l-UEFA Champions League b’format ġdid

Aqra wkoll

Hekk kif minn dan l-is­taġun il-format tal- Champions League in­bi­del minn dak tal-Fażi tal-Gruppi għal dak tal-Kampjonat fejn qed jieħdu sehem 36 team li kull wieħed minnhom irid jilgħab kontra tmien avversarji differenti, fuq bażi ta’ erbgħa home u erbgħa away, l-aktar żewġ partiti li jiġbdu l-attenzjoni f’din l-ewwel ġurnata huma Milan v Liver­pool u Manchester City v Inter. 

Milan v Liverpool– Din hija sfida klassika bejn żewġ timijiet prestiġjużi, li għandhom storja kbira f’din il-kompetizzjoni … bl-aktar memorija li tibqa’ tidwi fl-imħuħ tal-partitarji hija l-finali tal-2005 li ntlagħbet f’Istanbul. 

Kollox deher li Milan kie­nu se jirbħu meta fetħu vantaġġ ta’ tliet goals. Iżda Liverpool irkupraw dan l-iżvantaġġ biex ħarġu rebbieħa bl-għoti tal-penalties.  

Peró mbagħad, sentejn wa­ra dawn iż-żewġ timi­jiet reġgħu ltaqgħu fil-finali, f’Ateni, fejn kienu Milan li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1. 

Intanti, illum ir-Rossoneri jospitaw lir-Reds li bħalissa huma feruti mit-telfa xejn mistennija f’darhom kontra Nottingham Forest bl-iskor ta’ 1-0. 

Il-moral huwa baxx u l-manager, Arne Slot, irid jirriorganizza lill-players tie­għu hekk kif se jiffaċ­ċjaw team li ġej minn rebħa kbira ta’ 4-0 fuq Venezia fil-kampjonat domestiku u għaldaqstant il-moral huwa wieħed għoli wara bidu kemmxejn negattiv. 

Huma ma jistgħux jinkludu lill-imweġġgħin Ismael Bennacer, Alessandro Florenzi, Malick Thiaw u Marco Sportiello filwaqt li Alvaro Morata huwa dubjuż.

Harvey Elliot se jkun nieqes għal Liverpool għall- istess raġuni. 

Man City v Inter– Dan il-konfront se jlaqqa’ liż-żewġ champions tal-kampjonat domestiku rispettiv me­ta Manchester City jilq­għu lil Inter. 

L-aħħar darba li dawn iż-żewġ timijiet lagħbu kontra xulxin kienet fil-finali tal-2023 hekk kif l-Ingliżi kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0, bl-uniku goal jiġi skorjat minn Rodri … biex f’dak l-istaġun is-Citizens kienu rebħu t-Treble. 

It-team immexxi minn Pep Guardiola jinsab fil-quċċata tal-Premier League Ingliż b’punti massimi minn erba’ partiti filwaqt li dak immexxi minn Simone Inzaghi ġej minn draw diżappuntanti ta’ 1-1 kontra Monza biex ċeda l-ewwel post tal-klassifika lil Napoli. 

In-Nerazzurri jridu jagħrfu kif se jrażżnu lill-attakkant Norveġiż, Erling Haaland – ‘annimal uman’ li ħadd ma jista’ jwaqqfu hekk kif mill-bidu tal-istaġun s’issa skorja disa’ goals.   

Manchester City għandhom barra lil Nathan Ake, Phil Foden u Oscar Bobb filwaqt li Inter ma jistgħux jilagħbu lil Tajon Buchanan.

Juventus v PSV – Juventus jirritornaw f’din il-kompetizzjoni wara li fl-istaġun li għadda naqsu milli jikkwa­lifikaw biex temmew 11-il sena konsekuttivi ta’ parteċipazzjoni. 

L-avversarji tagħhom hu­ma PSV Eindhoven, b’dan il-konfront huwa meqjus bħala wieħed delikat għali­hom minħabba li t-timijiet Olandiżi huma enigma u mprevidibbli fil-kompetiz­zjonijiet Ewropej.

PSV Eindhoven huma ċ-champions Olandiżi u għandhom team ferm kompetittiv bil-coach, Peter Bosz, lest jagħti sfida lill-Bianco­neri. 

Iżda t-team immexxi mill-coach, Thiago Motta, fi      tmiem il-ġimgħa li għadda ġie miżmum minn Empoli fi draw ta’ mingħajr goals biex fallew żewġ punti mill-aktar importanti. 

Il-partitarji qed jaraw lil Motta bħala l-persuna li jista’ jmexxihom għar-rebħ ta’ din il-kompetizzjoni wara li l-aħħar suċċess kien fl-1996.

Juventus se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Fabio Miretti, Francisco Conceicao u Arkadiusz Milik filwaqt li  Hirving Lozano, Ismail Sarbari u Sergino Dest se jkunu neqsin għal PSV … minħabba li qed jirkupraw minn injury.

Atalanta v Arsenal – Atalanta għandhom test diffiċli fl-ewwel ħarġa tagħhom fil-UEFA Champions League meta jilagħbu kontra Arsenal li ġejjin minn rebħa importanti ta’ 1-0 fuq ir-rivali eterni, Tottenham Hotspur. 

It-team immexxi minn Giampiero Gasperini rebaħ il-UEFA Europa League u għalhekk ikkwalifika awtomatikament għal din il-fażi.  Il-Bergamaschi ġejjin minn rebħa ta’ 3-2 fuq Fio­rentina li mentalment tgħinhom biex jinżlu għal dan il-konfront b’kunfidenza. 

Iż-żewġ timijiet għandhom players neqsin – Berat Djimsiti, Gianluca Scamacca u Giorgio Scalvini għal Ata­lanta u Martin Odegaard, Riccardo Calafiori, Mikel Merino u Gabriel Jesus għal Arsenal. 

Sport