Sunday, December 22, 2024

Illum u għada jintlagħab l-ewwel leg tas-semi-finali tal-UCL

Aqra wkoll

Illum u għada jintlagħab l-ewwel leg tas- semi-finali tal-UEFA Champions League b’żewġ konfronti klassiċi hekk kif Bayern Munich jospitaw lil Real Madrid filwaqt li Borussia Dortmund ikunu f’darhom kontra Paris St-Germain, b’dawn tal-aħħar ikunu l-uniku team li għadhom ma rebħux dan l-unur tant prestiġjuż.

Bayern Munich vs Real Madrid (illum)

Bayern Munich jimmiraw li jwarrbu d-diżappunt tal-kampjonat domestiku meta jilagħbu l-ewwel leg tas-semi-finali fl-Al­lianz Arena kontra Real Madrid.

It-team immexxi minn Thomas Tuchel, li fi tmiem l-istaġun se jħalli l-club, kellu riżutati kuntrastanti fejn saħansitra ġew akkużati b’inkonsistenza qawwija, tant, li ċedew il-monopolju domestiku ta’ dawn l-aħħar 11-il sena. 

Iżda minn Frar, il-Bavarjani saru team trasformat u jinsabu fid-direzzjoni l-ġusta li jistgħu jirbħu dan l-unur għas-seba’ darba fl-istorja tal-club. 

Wara li eliminaw lil Arsenal b’aggregate ta’ 3-2 huma se jiffaċċjaw team mill-aktar diffiċli mimli stilel u b’coach li għandu esperjenza vasta u kbira f’din il-kompetizzjoni. 

Aktar minn hekk, il-club Spanjol jista’ jiftaħar ukoll li huwa l-aktar li rebaħ din il-kompetizzjoni b’total ta’ 14-il darba. 

U bħalissa Real Madrid jinsabu wkoll  fi triqithom li jirbħu l-kampjonat Spanjol għas-36 darba fl-istorja tagħhom. 

Taħt it-tmexxija tal-coach, Carlo Ancelotti, f’dan l-istaġun kienu ferm konsis­tenti fejn urew il-qawwa tagħhom billi warrbu għal kollox l-isfida ta’ kull avversarju. 

Iżda fil-veritá huma sabuha ferm diffiċli biex għelbu liċ-champions renjanti, Manchester City, tant, li huma ttrijonfaw bl-għoti tal-penalties bl-iskor ta’ 4-3 wara aggregate ta’ 4-4. 

Bayern neżlin għal dan il-konfront mingħajr bosta players li qed jirkupraw minn injury li jinkludu lil Konrad Laimer,  Matthijs de Ligt, Jamal Musiala, Leroy Sane, Serge Gnabry, Dayot Upamecano, Kingsley Coman, Bouna Sarr, Tarek Buchmann u Gabriel Marusic.

Min-naħa ta’ Real, dawn għandhom neqsin lill-goalkeeper, Thibaut Courtois, u d-difensur Ferland Mendy. 

Borussia D. vs Paris St-Germain (għada)

Borussia Dortmund jilqgħu lil Paris St- Germain f’konfront li jista’ jmur kull naħa. 

It-team mill-belt kapitali Franċiża jipprova jirbaħ din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba hekk kif s’issa falla f’kull tentattiv minkejja li l-fondi mhumiex problema. 

Il-Pariġini jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli hekk kif proprju nhar il-Ħadd ġew dikjarati champions ta’ Franza għat-12-il darba.

Huma waslu sas-semi-finali ta’ din il- kompetizzjoni wara li eliminaw lil Barcelona b’aggregate ta’ 6-4 fejn irnexxielhom jagħmlu rimonta wara li fl-ewwel leg, f’darhom, kienu sfaw megħluba bl-iskor ta’ 3-2.

Borussia huma s-sorpriża  ta’ dan l-istaġun u jinżlu għal din il-logħba mingħajr l-ebda pressjoni minħabba li m’għandhom xejn x’jitilfu. 

Fil-kampjonat domestiku jinsabu fil-ħa­mes post u fi tmiem il-ġimgħa li għadda sfaw megħluba bl-iskor ta’ 4-1 minn RB Leipzig li jinsabu fir-raba’ post.  

Biex waslu sa dan l-istadju ta’ din il-kompetizzjoni, fil-kwarti-finali huma eliminaw lil Atletico Madrid b’aggregate ta’ 5-4. 

Il-coach, Edin Terzic, se jkollu jħalli barra lil Mats Hummels, Ian Maatsen, Donyell Malen, Sebastian Haller u Ramy Bensebaini. 

Min-naħa tal-kontra-parti tiegħu, Luis Enrique, se jkollu jgħaddi mingħajr Layvin Kurzawa, Sergio Rico u Presnel Kimpembe … li kollha qed jirkupraw minn injury. 

Ekonomija

Sport