Illum u għada tkompli tintlagħab il-kompetizzjoni tal-UFEA Champions League fejn jintlagħab l-ewwel leg tal-kwarti-finali bejn l-aħħar tmien timijiet li prattikament huma bilanċjati u m’hemmx xi team partikolari favorit.
ILLUM
Benfica v Inter
Benfica jimmiraw li jieħdu vantaġġ mill-fatt li se jilagħbu l-ewwel leg f’darhom meta jilqgħu lil Inter f’Estadio da Luz.
Iċ-champions Portugiżi jridu jpattu għad-diżappunt tat-telfa li sofrew fil-kampjonat kontra r-rivali Porto 2-1 f’logħba li huma kienu qed jirbħu.
Inter xejn m’huma sejrin tajjeb fil-kampjonat tant li nhar il-Ġimgħa sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 mit-team modest ta’ Salernitana.
Infatti huma niżlu fil-ħames post tal-klassifika bid-destin tal-coach, Simone Inzaghi, huwa inċert u jista’ jitneħħa fi tmiem l-istaġun.
Biex waslu s’hawn, Inter għelbu lil Porto b’aggregate ta’ 1-0 filwaqt li Benfica għelbu lil Club Brugge bl-iskor ta’ 7-1.
Il-Portugiżi ma jistgħux jinkludu lill-imweġġgħin, Alexander Beh, Goncalo Guedes, Mihailo Ristic u Julian Draxler.
Hakan Calhanoglu u Milan Skriniar huma neqsin għal Inter.
MANCHESTER CITY v BAYERN MUNICH
Dan hu wieħed mill-konfronti l-aktar mistennija li huwa miftuħ għal kull riżultat.
Manchester City jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli hekk kif reġgħu daħlu biċ-ċans li jirbħu l-kampjonat Ingliż wara li l-leaders Arsenal fallew żewġ punti importanti kontra Liverpool.
Min-naħa l-oħra, Bayern Munich reġgħu ħadu l-kmand tal-klassifika wara n-nofs żelqa li kellhom fil-ġimgħa ta’ qabel kontra Bayer Leverkusen.
F’din il-partita, se jkun hemm dwell interessanti bejn tnejn mill-aqwa skorers fil-kampjonati Ewropej – Erling Haaland (Manchester City) u Jamal Musiala (Bayern Munich).
Biex waslu sa dan l-istadju, is-Citizens għelbu lil RB Leipzig b’aggregate ta’ 7-1 filwaqt li Bayern għelbu lil Paris St-Germain bl-iskor ta’ 3-0.
Il-coach ta’ Manchester City Pep Guardiola ma jistax jinkludi lil Phil Foden minħabba li qed jirkupra minn operazzjoni.
Bayern għandhom bosta players li qed jirkupraw minn injury fosthom Paul Wanner, Eric Choupo Moting, Gabriel Marusic, Mathys Tel, Manuel Neuer u Lucas Hernandez.
GĦADA
REAL MADRID v CHELSEA
Iċ-champions renjanti, Real Madrid, jilqgħu lil Chelsea f’dik li hija meqjusa bħala partita delikata.
Jekk kulħadd huwa konxju tal-qawwa tagħhom, bħalissa ma tantx sejrin tajjeb fil-kampjonat domestiku hekk kif ġejjin minn telfa f’darhom bl-iskor ta’ 3-2 kontra Villarreal biex id-distakk tagħhom mil-leaders, Barcelona, huwa dak ta’ 12-il punt, bil-Katalani rkupraw il-partita tard il-bieraħ filgħaxija liema vantaġġ seta’ kiber.
Min-naħa tal-Pensiners, din il-kompetizzjoni tista’ ssalvalhom l-istaġun minħabba li huma maqtugħin milli jikkwalifikaw għall- istess kompetizzjoni fl-istaġun li ġej.
Huma se jkunu mmexxija mill-coach Frank Lampard wara li fi ftit xhur tkeċċew lil Thomas Tuchel (li ngħaqad ma’ Bayern Munich) u lil Graham Potter.
Iżda Lampard ma tantx kellu debutt feliċi minħabba li nhar is-Sibt sfaw megħluba minn Wolves bl-iskor ta’ 1-0.
Biex waslu s’hawn, Real Madrid eliminaw lil Liverpool b’aggregate ta’ 6-2 filwaqt li Chelsea eliminaw lil Borussia Dortmund 2-1.
Real Madrid għandhom biss lil Ferland Mendy nieqes filwaqt li l-Blues ma jistgħux jinkludu lil Mason Mount, Thiago Silva u Cezar Aspilicueta.
MILAN v NAPOLI
Milan jospitaw lil Napoli f’dak li huma meqjus bħala d-derby tal-Italja.
Dan huwa dwell bejn iċ-champions preżenti u ċ-champions li jmiss hekk kif Napoli huma kważi ċerti mir-rebħ tat-titlu wara 35 sena.
Bħalissa, filwaqt li Milan jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika, il-leaders Napoli qed igawdu vantaġġ ta’ 16 il-punt fil-quċċata.
Ir-Rossoneri ġejjin minn draw ta’ 0-0 kontra Empoli filwaqt li l-Partenopei ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Lecce.
Iżda l-Milanisti jittamaw li jkollhom l-istess prestazzjoni ta’ ġimagħtejn ilu meta marru għand Napoli u rebħulhom bl-iskor ta’ 4-0.
Peró huma jridu jagħrfu kif se jrażżnu lill-koppja, Victor Osimhen u Khvicha Kvaratskhelia, li litteralment qed iwerwru lid-difiżi avversarji bil-kapaċitajiet tagħhom.
Ir-Rossoneri kkwalifikaw mal-aħħar tmienja wara li eliminaw lil Tottenham Hotspur b’aggregate ta’ 1-0 filwaqt li Napoli għelbu lil Eintracht Frankfurt bl-iskor ta’ 5-0.
Milan se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tal-imweġġgħin, Zlatan Ibrahimovic u Pierre Kalulu, filwaqt li Osimhen se jagħmel test aħħar biex jiġi dikjarat f’sikktu.