Friday, November 22, 2024

Illum u għada jintlagħbu s-semi-finali tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa 2023

Aqra wkoll

It-Tazza tad-Dinja tan-Nisa 2023 li qed issir fl-Awstralja u fi New Zealand qed toqrob lejn it-tmiem tagħha meta llum u għada jintlagħbu ż-żewġ semi-finali, filwaqt li nhar is-Sibt u l-Ħadd jintlagħbu l-partita għat-tielet post u l-finali rispettivament. 

Bla dubju, iż-żewġ semi-finali se jlaqqgħu l-aħjar erba’ timijiet li meritatament waslu sa dan l-istadju, f’tournament li prattikament kien suċċess kbir … kemm mil-lat ta’ organizzazzjoni kif ukoll mil-lat tal-livell ta’ logħob. 

SPANJA v SVEZJA – illum

Wara żewġ rebħiet ta’ rutina fil-Fażi tal-Gruppi biex ikkwalifikaw għall-Aħħar 16, Spanja ġew umiljati bl-iskor ta’ 4-0 mill-Ġappun. 

Iżda mbagħad huma rkupraw minn dan id-diżappunt biex fl-Aħħar 16 għelbu lill-Isvizzera bl-iskor kbir ta’ 5-1 fejn Aitana Bonmati rreġistrat doppjetta. 

Il-kwarti-finali kontra l-Olanda kienet ferm bilanċjata, tant, li kellha tmur għall-ħin barrani fejn  is-sostituta żagħżugħa Salma Paralluelo, skorjat dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa għal skor finali ta’ 2-1. 

Din is-semi-finali għal La Roja f’edizzjoni kom­petittiva hija l-aqwa pożizzjoni meta l-aktar darba li avvanzaw kien il-kwarti-finali tal-Euro 2022 meta kienu sfaw eliminati mill-Ingilterra.  

Alexia Putellas, ivvotata darbtejn bħala l-aħjar player fid-dinja, ma tantx ħalliet impatt f’dan it-tournament iżda l-kollega tagħha fit-team ta’ Barcelona, Bonmati, qed tispikka fuq kulħadd. 

S’issa hija skorjat tliet goals u rreġistrat żewġ assists u għaldaqstant se tkun l-arma letali għat-team tagħha kontra l-Isvezja. 

Dawn tal-aħħar qalgħu żewġ goals biss f’ħames partiti, f’din l-edizzjoni, fejn eliminaw ukoll liċ-champions renjanti, l-Istati Uniti, permezz tal-għoti tal-penalties. 

Il-goalkeeper ta’ Chelsea, Zecira Musovic, hija fost l-aqwa ta’ dan it-tournament filwaqt li d-difen­sur ċentrali, Amanda Ilestedt, hija kandidata denja biex tirbaħ iż-Żarbun tad-Deheb meta skor­jat xejn inqas minn erba’ goals. 

L-Isvediżi, finalisti megħluba fl-2003, fil-kwarti-finali rnexxielhom jgħelbu lill-Ġappun bl-iskor ta’ 2-1 minkejja li lejn it-tmiem inħakmu minn nervożiżmu hekk kif l-Asjatiċi fallew penalty qabel naqqsu l-marġni tal-iskor. 

Ikklassifikati t-tielet fid-dinja, taħt it-tmexxija tal-coach Peter Gerhardsson u mingħajr daqq ta’ trombi, l-Isvediżi rnexxielhom jaslu sas-semi-finali. Anke jekk il-captain,   Kosovare Asllani, ma kinetx fl-aqwa kundizzjoni tagħha, xorta waħda kienet strumentali biex għenet lit-team jasal mal-aħħar erbgħa. 

Wara li waslu sa dan l-istadju fl-aħħar tliet tournaments ewlenin tagħhom, inkluż il-midalja tal-fidda f’Tokjo 2020, huma jimmiraw li jżidu mal-uniku suċċess ewlieni tagħhom,  fil-Kampjonati Ewropew 1984.

Dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu darba biss … f’partita ta’ ħbiberija f’Ottubru tas-sena l-oħra – bil-goal tard ta’ Marta Cardona jikkanċella dak kmieni ta’ Rebecka Blomqvist.

AWSTRALJA v INGILTERRA – għada

Dan huwa konfront bejn żewġ rivali kbar ta’ kull sport. 

Kuntrarju għal New Zealand li flimkien mal-Awstralja organizzaw dan it-tournament, dawn tal-aħħar ikkwalifikaw mill-Fażi tal-Gruppi b’rebħa ta’ 1-0 kontra l-Irlanda, telfa ta’ 3-2 kontra n-Niġerja u fil-partita deċiżiva warrbu għal kollox l-isfida taċ-champions Olimpiċi, il-Kanada, bl-iskor ta’ 4-0. 

Injury ta’ Sam Kerr lejlet dan il-kampjonat, fixklet it-tamiet tal-Matildas, iżda sħabha rrispondew tant tajjeb billi għelbu lid-Danimarka bl-iskor ta’ 2-0, fl-Aħħar 16. 

Imbagħad, fil-kwarti-finali għelbu lil Franza, li kienu fost il-favoriti, bl-għoti tal-penalties bl-iskor ta’ 7-6 wara draw ta’ mingħajr goals. 

F’din il-logħba, Kerr ġiet utilizzat fit-tieni taqsima. 

Huwa se jiffaċċjaw lill-Ingilterra li inċidentalment minn 38 partita taħt it-tmexxija tal-coach Sarina Wiegman, kienu l-Awstraljani stess li tawhom l-uniku telfa bl-iskor ta’ 2-0, f’partita ta’ ħbiberija, bl-iskorers ikunu Kerr u Charlotte Grant  

Iċ-champions renjanti Ewropej, ikkwalifikaw mill-Fażi tal-Gruppi bi tliet rebħiet minn daqstant partiti, meta għelbu lil Haiti (1-0), lid-Danimarka (1-0) u liċ-Ċina (6-1). 

Imbagħad, fl-Aħħar 16 kellhom jitħabtu meta għelbu lin-Niġerja bl-iskor ta’ 4-2 bl-għoti tal-penalites  wara li temmew fi draw ta’ mingħajr goals. 

Iżda f’din il-partita, l-Ingliżi sfaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċiet Lauren James għal foul banali u bla bżonn biex ingħatat sospensjoni ta’ żewġ partita … bl-uniku waħda tkun il-finali jekk l-Ingliżi jirnexxielhom joħorġu rebbieħa. 

Minkejja li fil-kwarti-finali ma kienux fl-aqwa forma tagħhom, l-Ingliżi xorta waħda għelbu lill-Kolumbja meta dawru telfa f’rebħa bl-iskor ta’ 2-1, grazzi għaż-żewġ goals minn Lauren Hemp u Alessia Russo.  

F’ħames laqgħat preċedenti, kollha f’partiti ta’ ħbiberija bl-ewwel waħda tiġi fl-2011, iż-żewġ timijiet għandhom żewġ rebħiet kull wieħed u f’okkażjoni waħda temmew fi draw. 

L-Awstraljani se jibdew b’vantaġġ mentali hekk kif se jilagħbu quddiem il-pubbliku tagħhom stess. 

Huma se jilagħbu fi Stadium Australia, f’Sydney,  li jesa 83,500 spettatur. 

Sport