Bejn illum u għada se tintlagħab it-tielet ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier liema programm se jkun l-uniku wieħed f’dan l-istaġun li jintlagħab matul il-ġimgħa.
Bla dubju, l-aktar konfront li jispikka huwa dak bejn Floriana u Hibernians li, flimkien ma’ Hamrun Spartans, qed jokkupaw l-ewwel post b’punti massimi, bil-Greens ikollhom l-aħjar differenza tal-goals.
Għaldaqstant, l-Ispartans jistgħu japprofittaw minħabba li f’din il-partita se jintilfu l-punti, bi probabbiltá kbira li tintemm fi draw, meta huma jaffrontaw lil Gudja United li għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa, li iżda, għadhom ma ġewx megħluba minħabba li spiċċaw f’żewġ draws.
Partita oħra mill-aktar interessanti hija dik bejn Birkirkara u Valletta liema timijiet ġejjin minn telfa u għaldaqstant rebħa hija mperattiva biex iżommu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuq. Telfa tista’ tħallihom distakkati sitt punti mil-leaders.
Gzira United jiffaċċjaw lil Naxxar Lions biż-żewġ timijiet jinżlu għal rebħa minħabba li sofrew żewġ telfiet minn daqstant partiti u għadhom mingħajr l-ebda punt.
Wara li għelbu lil Valletta, Sliema Wanderers għandhom test diffiċli kontra Mosta filwaqt li Marsaxlokk jilagħbu kontra Sirens li ġejjin minn riżultat ta’ draw drammatiku kontra Mosta (1-1) meta l-goal wasal proprju fl-aħħar azzjoni tal-partita.
Balzan għandhom partita delikata kontra Sta Lucia li ma kisbu l-ebda punt minn żewġ ħarġiet.