Friday, December 13, 2024

Ilment kriminali minn Platini kontra Infantino

Aqra wkoll

L-eks president tal-UEFA, Michel Platini, ressaq ilment kriminali kontra l-President tal-FIFA Gianni Infantino.

Stqarrija f’isem Platini, li fi żmienu bħala president kien il-kap ta’ Infantino, ħarġet f’dawn l-aħħar ġranet.

L-avukati ta’ Platini qalu li ressqu l-ilment fi Franza fejn allegaw li Infantino kien qed ibiegħ l-influwenza u li Marco Villiger, id-direttur legali tal-FIFA sal-2018, kien kompliċi.

Platini talab lill-prosekuturi Franċiżi biex ifittxu kooperazzjoni internazzjonali biex jinterrogaw lil Infantino, Villiger u erba’ rġiel oħra fl-Isvizzera, inkluż l-eks avukat ġenerali, Michael Lauber.

L-ilment kriminali ntqal li kien ippreżentat fis-17 ta’ Novembru, ġimgħatejn wara li Platini kien akkużat fl-Isvizzera flimkien mal-eks President tal-FIFA, Sepp Blatter, fuq akkużi ta’ frodi. Dak il-każ huwa relatat ma’ ħlas fl-2011 ta’ żewġ miljun frank Svizzeri ($2 miljuni) lil Platini li wassal biex iż-żewġ irġiel ġew sospiżi mill-football fl-2015. Infantino ġie elett President tal-FIFA ġimgħat wara.

Il-proċess ta’ Blatter u Platini fil-qorti kri­minali federali fl-Isvizzera huwa mistenni li jsir din is-sena.

Ekonomija

Sport