Thursday, November 14, 2024

Ilmenti dwar irwejjaħ mill-inċineratur tal-Marsa… il-Kunsill ta’ Raħal Ġdid jittama li tittieħed azzjoni u tkun l-aħħar darba li jirrapporta

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid qal li fis-16 ta’ Marzu li għadda kien informa lill-pubbliku li l-istess Kunsill kien irċieva korrispondenza mingħand l-ERA dwar irwejjaħ fil-lokalità, fejn ġie kkonfermat li minn investigazzjonijiet li saru, l-irwejjaħ kienu ġejjin mill-Marsa Thermal Treatment Facility (l-inċineratur tal-Marsa). Sostna li dan kien seħħ wara li xi apparat kien żviluppa ħsarat u li ssewwa u għaldaqstant il-kunsill ġie informat li l-kwistjoni kienet ġiet magħluqa.

Madankollu, il-Kunsill qal li f’dawn l-aħħar ġranet dawn l-irwejjaħ reġgħu tfaċċaw u għaldaqstant il-Kunsill Lokali se jkun qed jerġa jagħmel il-pressjoni meħtieġa mal-awtoritajiet regolatorji tas-settur biex din il-problema tissolva darba għal dejjem. 

Il-Kunsill qal li ilu għal bosta xhur jilmenta dwar dan l-inkonvenjent ta’ rwejjaħ insopportabbli u jinsab imħasseb ukoll dwar l-impatt li dan jista’ jkollu fuq is-saħħa tar-residenti.

Finalment, jittama li din tkun l-aħħar darba li dan il-Kunsill ikollu jirrapporta dwar dan l-inkonvenjent u li l-Awtoritajiet ikkonċernati jieħdu l-passi neċessarji.

Ekonomija

Sport