Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima mar ukoll fuq il-post tal-inċident fejn esprima solidarjetà ma’ dawk kollha li ġew affettwati.

“Din mhix xi ħaġa li wieħed jieħu pjaċir biha. Nemmen li l-Qrati u d-deċiżjonijet għandhom jittieħdu malajr biex forsi nkunu nistgħu nevitaw ċertu affarijiet milli jiġru. In-nies milquta jkunu jridu jidħlu f’darhom kemm jista’ jkun malajr. L-importanti li ma weġġa’ ħadd, pero’ rridu naraw għalfejn ġara dak li ġara u nieħdu l-prekawzjonijiet”, qal ma’ talk.mt Grima.
Sadanittant, residenti li tkellmu ma dan il-ġurnal esprimew id-diqa u r-rabja tagħhom għal dak li ġara u staqsew meta l-affarijiet se jibdew jittieħdu bis-serjetà biex jiġu evitati inċidenti simili.
Għalkemm xi persuni ma kinux fil-blokka għax jużaw il-post bħala villeġġjatura, oħrajn esprimew it-tħassib tagħhom dwar fejn se jkunu qed iqattgħu l-lejl minħabba li m’għandhomx post alternattiv u kienu għadhom mhux infurmati dwar kemm se ddum l-investigazzjoni u meta se jkun rilaxxat il-post.

Persuna li toqgħod biswit sit tal-kostruzzjoni li ilu wieqaf aktar minn tliet snin sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Qrati qalitilna li kienet qiegħda tonxor meta semgħet ħoss kbir u ħasbet li xi karozza tal-linja kienet qiegħda tkaxkar xi karozza li kien hemm ipparkjata. “Imbagħad ħarist l-isfel u rajt kollox iċedi, f’sitwazzjoni tal-biża'”, kompliet tgħid.
Il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kienu fuq il-post inkluż bl-użu ta’ klieb u drones sabiex jivverifikaw li ma hemmx persuni taħt xi ġebel, flimkien ma’ diversi entitajiet oħra tal-istat.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta Byron Camilleri qal li jinsab infurmat li t-tfittxija bil-klieb tas-CPD irriżultat fin-negattiv.
Kawża tal-inċident inqasmet katuża tad-dranaġġ li tat kedda ġmielha lill-pumpera hekk kif kellhom jippumpjaw ammont kbir ta’ dranaġġ li ħalla numru ta’ garaxxijiet mgħarrqa.
6:30 p.m: Iċċedi parti minn Triq f’San Pawl il-Baħar
Il-Pulizija tinsab għaddejja b’investigazzjoni b’rabta ma’ inċident li seħħ aktar kmieni fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri f’San Pawl il-Baħar.

Fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ambulanza u tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
Skont l-ewwel informazzjoni jidher li fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident li seta’ kellu konsegwenzi ferm agħar. Madanakollu għaddejja ħidma fuq il-post biex tinħareġ il-konferma dwar dan.

Ninsabu infurmati wkoll li għaddejja ħidma delikata biex jitwaqqaf tixrid ta’ dranaġġ minħabba ħsara kkawżata mill-istess tiġrif. Barra minn hekk uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni se jkunu qegħdin jassiguraw li l-post huwa sigur biex ir-residenti jkunu jistgħu jibqgħu fir-residenzi rispettivi tagħhom. Dan minħabba dannu kbir fil-parti ta’ quddiem ta’ bini fl-istess triq li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-bqija tal-istrutturi.
Aktar informazzjoni kif taslilna…