Saturday, December 21, 2024

“Ilni 20 sena hawn, dawn l-aħħar 3 snin ħdimt fil-forn tal-ħabs u sibt il-familja tiegħi”

Jispikkaw il-messaġġi tal-priġunieri fuq il-kaxxi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Li ma tgħallimtx barra qiegħed nitgħallmu hawn ġew. Dalwaqt niskonta s-sentenza tiegħi u nixtieq inkompli naħdem f’din is-sengħa li tgħallimt”. Din hija waħda mid-dikjarazzjonijiet tal-ħabsin li jaħdmu fil-forn tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-faċilità sfortunatament ħafna drabi hija assoċjata ma’ post bla tama li fih jirrisjedu dawk il-persuni li min jaf kemm aġġettivi negattivi jaffaċċjaw anke fuq il-midja soċjali.

Dan is-sit tkellem ma’ uffiċjali li ħadmu mill-qrib ma’ wħud mill-priġunieri li jingħataw l-opportunità li jitgħallmu xi sengħa li biha, ladarba jiskontaw is-sentenza jkunu jistgħu jaħdmu u jerġgħu jibdew jintegraw fis-soċjetà.

Iwasslu l-ħsieb tagħhom ma’ kull min jixtri

Spikkaw fuq il-kaxxi li fihom jitqassmu l-prodotti, messaġġi ta’ priġunieri li minkejja li mill-binja ma jistgħux iwasslu l-ħsieb tagħhom, din is-sena mijiet ta’ persuni setgħu jaqrawh. Min xtara minn dan il-ħelu seta’ jieħu togħma ħafifa tal-ħsieb ta’ priġunier b’sentenza ta’ għomor il-ħabs, li bit-tagħlim tas-sena sab raġuni għaliex ikompli jgħix. “Ilni 20 sena l-ħabs, dawn l-aħħar 3 snin ħdimt fil-forn tal-ħabs u sibt il-familja tiegħi”, jgħid il-messaġġ. Wieħed mill-priġunieri fil-forn tal-ħabs huwa barrani. Huwa kiteb “Għalkemm jien barrani li għamilt reat f’Malta, il-ħabs għallimni kif nagħmel il-ħobż Malti”. Ma dawn hemm numru ta’ messaġġi oħra.

Fosthom dawk li esprimew id-diżappunt tagħhom għall-iżbalji li wettqu fil-passat u stqarru li bit-tagħlim tas-sengħa qegħdin mhux biss jifhmu kemm hu importanti li jaħsbu qabel jaġixxu, iżda qegħdin jippreparaw rwieħhom għal meta jiskontaw is-sentenza. “Waqt li npatti ta’ li għamilt, inħares lejn il-futur b’tama”, “Ix-xogħol fil-forn għallimni d-dixxiplina miegħi nnifsi u li nkun ottimist għall-futur tiegħi barra” u “Żbaljajt, iżda qed naħdem biex mil-lum ’il quddiem noħroġ it-tajjeb tiegħi”, kienu jgħidu messaġġi oħra fuq il-kaxxi.

Mistennija aktar opportunitajiet edukattivi fix-xhur li ġejjin

Infatti dan il-ġurnal jinsab infurmat li kien hemm priġunieri li rnexxielhom isibu xogħol bis-saħħa ta’ dawn l-opportunitajiet li jagħmlu l-istituzzjoni waħda edukattiva li fix-xhur li ġejjin mistennija tkun qiegħda żżid dawn l-opportunitajiet. Ta min jinnota wkoll li, għalkemm hemm priġunieri li ilhom iktar minn sena jaħdmu dan ix-xogħol, oħrajn illum il-ġurnata skontaw is-sentenza tagħhom u sabu impjiegi barra mill-faċilità.

Dawn iservu biex verament dawk li jesprimu x-xewqa li jitgħallmu waqt li jkunu qegħdin jiskontaw is-sentenza tagħhom, jrabbu sens ta’ tama li huma wkoll għad jerġgħu joħorġu u jkunu parti minn soċjetà li għandha bżonn ix-xogħol tal-id tagħhom. Ngħiduha kif inhi, in-nies li jagħmlu dan ix-xogħol kulma jmur qegħdin isiru iktar diffiċli biex issibhom anke minħabba li dawn jaħdmu sigħat twal u jkollhom anke jagħmlu ljieli barra ’l bogħod mill-familja biex ngħidu aħna jippreparaw l-ewwel furnati sa minn qabel jibda jbexbex.

Il-forn tal-ħabs jibqa’ jaħmi prodotti għall-pubbliku sa Ħadd il-Għid f’nofsinhar.

Ekonomija

Sport