Monday, July 15, 2024

“Ilum sirna addicted għal stil ta’ ħajja”

- Noel Xerri, Kap Eżekuttiv tal-OASI

Aqra wkoll

“Naħseb li llum sirna addicted għal stil ta’ ħajja, b’tali mod li aħna kkontrollati u skjavi mingħajr ma nafu… u din għandha mpatt kbir fuq il-familja.” Hekk qal Noel Xerri, Kap Eżekuttiv tal-OASI waqt li kien qiegħed jindirizza konfernza nazzjonali li saret f’Għawdex bit-tema “Il-Familja u l-Addiction”.

Xerri jgħid li l-familja hija organu kumpess ħafna li huwa affettwat minn diversi fatturi li dejjem jinbidlu matul iż-żmien. Isostni li l-familja hija organu dinamiku mmens li dejjem hemm bżonn li jibqa’ jiġi studjat.

Irrefera għal fatt li ħafna drabi nitkellmu dwar koppji ‘couples’, iżda llum qegħdin nitkellmu wkoll dwar tipi differenti ta’ familji.

Il-Kap Eżekuttiv jgħid li l-familja kienet u tibqa’ l-aktar organu importanti ta’ kull soċjetà. “Aħna qegħdin hawn minħabba l-familji tagħna, bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħhom,” iżda sostna li sfortunatament min suppost qiegħed għal konferenza magħna biex ikun jista’ jsegwi dak kollu li sar u qiegħed isir “reġa’ ma ġiex”.

Irrefera wkoll għall-ekonomija tal-pajjiż u kif taffettwa l-familji fis-soċjetà. Qal li kien hemm żmien fejn l-ekonomija kienet hemm biex isaħħaħ, itejjeb u tgħin fl-iżvilupp tal-familji. Iżda Xerri qal li hu jemmen li llum il-ġurnata l-familja qiegħda hemm biex isaħħaħ l-ekonomija.

Fid-diskors tiegħu għamel ukoll differenza bejn bżonn u kapriċċ fejn qal li l-familja tkun ferm aktar f’saħħitha meta l-istess membri tal-familja jgħarfu u jagħmlu distinzjoni bejn dak li hu tassew bżonn u dak li hu kapriċċ.

B’referenza għat-tema tal-konferenza nazzjonali, Noel Xerri qal li ħafna jassoċċjaw l-addiction mad-drogi. “Naħseb li addiction hija aktar wisa’ minn hekk. Naħseb li llum sirna addicted għal stil ta’ ħajja, b’tali mod li aħna kkontrollati u skjavi mingħajr ma nafu.”

Hu temm id-diskors tiegħu biex reġa’ tenna dak li kien qal waqt id-diskors li kien għamel fl-anniversarju tal-Fondazzjoni OASI. “Veru, mhux kulħadd qiegħed fl-istess dgħajsa, imma kulħadd qiegħed fl-istess baħar. Mela ejja niġbdu l-istess ħabel, mill-istess naħa, mhux għax jaqbel lili imma għax hekk hemm bżonn għal ġid ta’ kulħdd,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni OASI, Noel Xerri.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport