Thursday, November 14, 2024

Imbassar li sal-aħħar tas-sena pajjiżna jkun attira 2.2 miljun turist

Maltin qed igawdu minn brand partnerships internazzjonali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-turiżmu huwa daqstant importanti għax minnu jrid jiekol kulħadd. Pajjiżna huwa magħruf għall-karattru ospitabbli tiegħu u spikka l-vojt kbir tat-turiżmu meta fi żmien ta’ pandemija kulħadd spiċċa jħoss in-nuqqas tal-attivitajiet li aħna mdorrijin bihom u bħal xegħlet bozza ta’ kemm hu importanti li pajjiżna jibqa’ jinvesti biex jattira iżjed turisti.

Iddikjara dan il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo waqt l-estimi tal-budget 2023 għad-dekasteru rispettiv. Bartolo wieġeb lil dawk li qed jgħidu li qed jinħlew ħafna flus f’dan is-settur u tenna l-impenn tiegħu li dan il-gvern ikompli jinvesti biex ikompli jikseb aktar riżultati.

Rigward il-promozzjoni ta’ pajjiżna f’pajjiżi barranin, Bartolo qal li din qatt ma waqfet, lanqas fi żmien ta’ pandemija meta kulħadd kien mitluf fuq kif se jikkontrolla l-firxa f’pajjiżu.

Tkellem dwar kunċetti ġodda fil-qasam diġitali biex pajjiżna, b’mod mill-aktar effiċjenti jilħaq ċertu postijiet demografiċi partikolari u li dan żied l-effiċjenza. 

Tkellem dwar l-opportunitajiet li brand partnerships qed joffru lill-Maltin fejn ċiklisti Maltin marru għal prova mat-tim taċ-ċikliżmu Eolo-Kometa u l-indikazzjonijiet huma li dawn se jkollhom l-opportunità għal taħriġ taħt gwida professjonali. L-istess fejn jidħlu Manchester United, il-Ministru ħabbar li fil-jiem li ġejjin kowċis mill-akkademja tagħhom se jkunu qegħdin f’pajjiżna biex jevalwaw plejers mill-iskola nazzjonali tal-isport.

Qal ukoll li matul din is-sena, dan is-settur jistma’ li sal-aħħar tagħha se jkun attira aktar minn 2.2 miljun turist f’pajjiżna. Sostna li tajjeb li napprezzaw dan l-irkupru fid-dawl tal-ewwel kwart tas-sena fejn kien hawn nuqqas ta’ turisti minħabba l-varjant tal-omicron. Fakkar li bħal dan iż-żmien sena, id-diskussjoni kienet waħda differenti minn dik tal-lum fejn kellek dilemma bejn l-istennija għall-konsenji tal-vaċċin u l-varjant tal-Omicron li kien ta’ dannu kbir fuq livell internazzjonali.

Filwaqt li tkellem dwar diversi proġetti li l-Partit Nazzjonalista għamel snin iwiegħed li se jwettaq, fosthom proġetti fl-Għadira, fil-Pjazza tal-Mellieħa, dik fil-Birgu u l-Pjazza prinċipali ta’ Buġibba, il-Ministru tenna li “Jwegħdu huma u nwettqu aħna Sur President”

Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni f’Kemmuna u qal li fl-aħħar xhur u snin ma kienx kollox ward u żahar, iżda kellu jkun proprju dan il-gvern li neħħa d-deckchairs minn fuq Kemmunet, se jżomm kelmtu meta qal li se jkompli jindirizza s-sitwazzjoni anke f’Kemmuna.

Din is-sena biss l-industrija tal-films miexja għal sena oħra rekord u matul din is-sena d-dħul se jkun ikbar mill-aħħar ħames snin taħt gvern Nazzjonalista.

Ekonomija

Sport