Tuesday, May 14, 2024

Imbassar tkabbir ekonomiku akbar minn dak previst

Aqra wkoll

It-tkabbir ekonomiku huwa mistenni li jibqa’ b’saħħtu matul is-snin li ġejjin u saħansitra jaqbeż it-tkabbir previst għall-2023. Fl-istess ħin, l-inflazzjoni hija pproġettata li tibqa’ b’saħħitha matul is-sentejn li ġejjin. F’dan l-isfond, id-defiċit fiskali għal din is-sena huwa pproġettat li jonqos għal 5.0% tal-PDG fl-2023, minn 5.8%. 

Dan ħareġ mill-evalwazzjoni aġġornata tal-Programm ta’ Stabbiltà 2023–2026, tal-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti (MFAC) li ġie ippreżentatq lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol. Dan ir-Rapport kien ippreparat fuq l-informazzjoni disponibbli sal-24 ta’ Mejju 2023. 

Il-prospettiva ekonomika ppreżentata fil-Programm tindika rata ta’ tkabbir ta’ 4.1% fil-Prodott Domestiku Gross (PDG) reali fl-2023 u kontinwazzjoni fir-rata tat-tkabbir ekonomiku rreġistrat fis-sentejn ta’ qabel. 

Għas-snin li ġejjin, il-Programm ta’ Stabbiltà jimmira lejn tnaqqis progressiv fil-proporzjon tad-defiċit fiskali, li jilħaq ftit inqas minn 3% tal-PDG sal-2026. B’riżultat ta’ dan, l-Aġġornament tal-Programm ta’ Stabbiltà ta’ din is-sena huwa konformi mal-linji gwida tal-politika fiskali tal-Kummissjoni Ewropea għall-2024, li jirrakkomandaw korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-perjodu kopert mill-Programm. 

Il-MFAC jinnota li t-tnaqqis fil-miri tal-Gvern huma aktar ambizzjużi mir-rekwiżit minimu ta’ 0.5% tal-PDG tal-qafas fiskali attwali u l-qafas ta’ governanza propost mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, id-dejn tal-gvern huwa mistenni li jibqa’ konsistentement taħt il-valur referenzjarju tas-60% għalkemm huwa pproġettat li jiżdied ftit, minn 55.7% fi tmiem l-2024 għal 56.1% sa tmiem l-2026. 

Fl-isfond tal-evalwazzjoni tar-riskji, il-Kunsill huwa tal-fehma li fuq medda qasira ta’ żmien, id-dħul totali jista’ jirriżulta li jkun aktar b’saħħtu milli mbassar. Madankollu, il-Kunsill iqis ukoll li t-tkabbir fin-nefqa jista’ jirriżulta aktar b’saħħtu milli antiċipat. 

Il-valutazzjoni tal-Kunsill dwar ir-riskju tiddependi b’mod b’saħħtu fuq in-nefqa ppjanata tal-Gvern fuq is-sussidji tal-enerġija, kemm minħabba l-kobor tagħhom kif ukoll minħabba l-inċertezza dwar dawn l-ispejjeż. B’mod partikolari, il-Kunsill jinnota d-devjazzjoni materjali fl-istimi tas-sussidju tal-enerġija meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fil-Pjan Baġitarju 2023. Barra minn hekk, il-Kunsill jidentifika wkoll il-futur tal-Air Malta u l-ispejjeż assoċjati magħha bħala riskju fiskali importanti ieħor. 

Il-livell minimu globali tar-regoli tat-tassazzjoni applikabbli għas-suq tal-investituri multinazzjonali jista’ wkoll jaffettwa il-kapaċità ta’ Malta li żżomm il-pożizzjoni kompetittiva tagħha meta mqabbla mal-kontropartijiet barranin u jista’ wkoll potenzjalment iwassal għal devjazzjonijiet fil-miri tad-dħul fiskali matul il-perjodu tal-Programm. 

Il-Kunsill Fiskali jinnota li l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u fl-Att dwar ir-Responsabbiltà Fiskali ppermettiet lill-Gvern jieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa biex jittaffew l-effetti negattivi maħluqa mill-pandemija u t-tfixkil sussegwenti fil- provvisti kif ukoll dawk mill-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. 

Sport