Monday, September 30, 2024

IMF: Malta l-uniku pajjiż fl-Ewropa li ma żiedx l-imgħax tas-self fuq id-djar

Aqra wkoll

Studju tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) juri li Malta hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn naqas il-piż tas-self fuq id-djar. Dan b’kuntrast maż-żidiet bla preċedent li ġew osservati fil-pajjiżi tal-madwar.

Minn Lulju 2022, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żied ir-rata ewlenija tal-imgħax tal-operat ta’ rifinanzjament minn 0 % għal 4.5%. Dan seħħ biex jiżdied il-piż tas-self u tonqos id-domanda tal-familji u n-negozji ħalli din tiġi eqreb tal-provvista ta’ oġġetti u servizzi u b’hekk tonqos eventwalment ir-rata tal-għoli tal-ħajja. Imma dan ifisser li fl-immedjat, il-familji u n-negozji Ewropej qed jaqgħu f’morsa ta’ inflazzjoni għolja kif ukoll għafsa kbira minħabba spejjeż fuq self eżistenti tagħhom. 

Pereżempju jekk familja għandha self ta’ €200,000, kieku iż-żieda kollha fir-rata tal-imgħax tal-BĊE tkun mgħoddija mill-bank kummerċjali, dik il-familja tispiċċa jkollha tħallas €9,000 aktar f’imgħax, jew piż kull xahar addizzjonali ta’ €750. Meta wieħed iqis il-kobor ta’ din id-daqqa, speċjalment fi żmien meta l-konsumaturi Ewropej huma milqutin bil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel għoljin, huwa faċli li wieħed jifhem għaliex il-konsum privat naqas u t-tkabbir ekonomiku sparixxa.

Madankollu skont l-istudju ippubblikat din il-ġimgħa mill-IMF, “Monetary policy pass-through to interest rates: Stylized facts from 30 European countries”, Malta kienet l-uniku pajjiż Ewropew fejn fil-fatt naqsu l-ispejjeż tas-self fuq djar. B’kuntrast, f’ħafna pajjiżi oħra, iż-żieda fl-ispejjeż qed ikollha impatti ekonomiċi devastanti. Pereżempju, fil-Portugall hemm impatt negattiv ta’ aktar minn 1.2% tal-PDG, li se jneħħi l-biċċa l-kbira tat-tkabbir ekonomiku li dan il-pajjiż kien mistenni jesperjenza. Anki fil-Finlandja, il-piż taż-żieda fir-rati tal-imgħax qed jiswa aktar minn 1 % tal-PDG. Dawn huma xokkijiet ta’ natura bla preċedent li qed iwasslu għal tbatija kbira fost il-konsumaturi Ewropej.

Skont l-IMF Malta mhux qed tiġi affetwata minħabba li l-banek Maltin għandhom livell ta’ likwidità għolja ħafna. Dan ifisser li tant għandhom depożiti l-banek lokali li huma ma għandhomx għalfejn jisselfu mingħand il-BĊE, u allura ma għandhom l-ebda raġuni għalfejn jgħollu l-imgħax għall-klijenti tagħhom.  

Il-kawża ta’ din il-likwidità abbundanti hija ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħitha ta’ pajjiżna, flimkien mal-pakkett sostanzjali ta’ appoġġ fiskali li l-Gvern qed jipprovdi lill-familji u l-kumpaniji. Dan il-pakkett huwa aktar minn darba u nofs il-medja tal-Unjoni Ewropea, u din id-diskrepanza qed tiżdied hekk kif pajjiżi oħra qed ineħħu dik l-għajnuna limitata li kienu ħallew. 

L-appoġġ fiskali f’Malta fisser li d-depożiti bankarji ta’ kumpaniji u familji laħqu livelli rekord. Minħabba li l-banek għandhom tant flus kontanti rieqda, u ma hawnx daqstant domanda għal self, dan qed iwassal biex min għandu self mhux qed jiġi mgħobbi b’żidiet bħalma qed jiġu mgħobbija familji Ewropej oħra.

Skont studju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, bħala medja l-familji Maltin għandhom self fuq djar ta’ €73,000. Dan ifisser li minħabba l-politika ekonomika tal-Gvern, dawn qed jiffrankaw medja ta’ kważi €3,300 f’imgħax addizjonali. Mhux talli hekk biss, talli grazzi ta’ skema introdotta wara proposta tal-manifest Malta Flimkien, first time buyers qed jingħataw €1,000 għotja fis-sena għall-ewwel għaxar snin tas-self tagħhom.imf

Sport