Friday, December 13, 2024

Imfaħħra l-politika ġusta ta’ immigrazzjoni li qed iħaddem pajjiżna

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri kellu laqgħa bilaterali mal-Ewwel Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Intern tar-Reppublika Ċeka Vít Rakušan.

Laqgħa li matulha ġiet diskussa r-relazzjoni bilaterali b’saħħitha bejn iż-żewġ pajjiżi, bit-temi l-aktar komuni kienu fuq l-aġenda. Fosthom l-immigrazzjoni rregolari u d-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu fuq bażi Ewropea, bid-diskussjoni bejn iż-żewġ Ministri ffukat fuq il-prevenzjoni, ir-ritorn u r-rilokazzjoni.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li Malta tisħaq fuq politika ta’ immigrazzjoni li tkun waħda ġusta, u li għandha tkun riflessa wkoll fuq bażi Ewropea. Matul din id-diskussjoni, il-ministru tenna li bla dubju l-politika ta’ dan il-gvern ibbażata fuq prevenzjoni, ritorn u rilokazzjoni qed tħalli l-frott. Dan filwaqt li fisser li din hi l-aqwa politika biex niġġieldu lit-traffikanti tal-bnedmin u li ma tgħabbix lil pajjiżna b’piżijiet sproporzjonati u għalhekk inkunu nistgħu nagħtu refuġju lil min tassew ħaqqu. Huwa tenna li l-Unjoni Ewropea għandha taħdem aktar fuq dawn il-binarji, speċjalment bi ftehimiet u koperazzjoni ma’ pajjiżi esteri, kemm dawk tal-oriġinu u dawk ta’ tranżitu.

Min-naħa tiegħu, l-Ewwel Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Intern tar-Reppublika Ċeka Vít Rakušan, faħħar il-politika li qed tħaddem Malta fejn tidħol immigrazzjoni irregolari u tenna li r-riżultati li ġab pajjiżna f’dan is-settur huma pożittivi u ta’ eżempju. Biż-żewġ Ministri jikkonkludu li l-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi hija kruċjali biex tkompli tiġi indirizzata din l-isfida komuni.

Temi oħra fuq l-aġenda inkludew is-sigurtà, l-użu tat-teknoloġija u sfidi komuni fis-settur.

Ekonomija

Sport