Ħdax-il sena ilu, madwar il-pajjiż bdiet tiġri l-aħbar li miet l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Dom Mintoff, fl-età ta’ 96 sena.
Bosta kienu ddispjaċuti għat-telfa ta’ ġġant fil-politika Maltija, b’dan jixhduh l-eluf ta’ nies attendew għall-aħħar tislima tiegħu .
Il-Perit Mintoff kien it-tmien Prim Ministru ta’ Malta u r-raba’ Mexxej tal-Partit Laburista. Hu serva bħala Prim Ministru bejn is-snin 1955-58 u s-snin 1971-84. Kien il-Mexxej Laburista bejn is-sena 1949-1984.
Imwieled f’Bormla fis-6 ta’ Awwissu tas-sena 1916 u miet fl-20 ta’ Awwissu 2012, hu jibqa’ mfakkar mhux biss għal riformi kbar soċjali imma bħala l-Istatista li refa’ l-poplu mill-faqar u ħeles mill-kolonjaliżmu bil-kisba tal-Ħelsien.