Saturday, December 21, 2024

Imfakkar il-50 anniversarju ta’ “Bloody Sunday” fl-Irlanda ta’ Fuq

Aqra wkoll

Qraba ta’ dawk li nqatlu jew indarbu fil-jum li baqa’ magħruf fl-Irlanda ta’ Fuq bħala “il-Ħadd imdemmi” għamlu mixja paċifika biex ifakkru l-50 sena minn waħda mill-iktar jiem fatali fil-kunflitt magħruf bħala ‘The Troubles’.

Il-Ħadd imdemmi, jew il-Massakru ta’ Bogside, kien ħalla erbatax-il persuna maqtula u 12 oħra midruba meta suldati Ingliżi sparaw fuq dimostranti li kienu qed jimmarċjaw għad-drittijiet ċivili fit-30 ta’ Jannar 1972 fil-belt ta’ Londonderry.

Mijiet ta’ qraba u nies oħra inġabru ħdejn il-Monument tal-Ħadd imdemmi għal servizz ta’ tifkira li ssir kull sena u ċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-kuruni.

Il-gvern tar-Renju Unit kien skuża ruħu fl-2010 wara li inkjesta uffiċjali, magħrufa bħala r-Rapport Saville, sabet li s-suldati Ingliżi sparaw mingħajr ġustifikazzjoni fuq nies ċivili mhux armati. 

Ir-rapport ċaħad investigazzjoni inizjali li seħħet ftit wara l-qtil li qal li s-suldati kienu qed jiddefendu lilhom infushom kontra bombi u irġiel armati tal-Armata Repubblikana Irlandiża (IRA).

Eks suldat Brittaniku kien akkużat fl-2019 bil-qtil ta’ tnejn mid-dimostranti u l-feriti ta’ erbgħa oħra.

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal lill-Parlament nhar l-Erbgħa li l-Ħadd imdemmi kien “wieħed mill-iktar jiem mudlama fl-istorja tagħna” u li l-pajjiż “għandu jitgħallem mill-passat”.

Il-President Irlandiż Michael D. Higgins għamel ukoll diskors lill-familji milquta aktar tard il-Ħadd.

Ekonomija

Sport