Thursday, December 26, 2024

Imfakkar il-Jum Internazzjonali kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga

Aqra wkoll

Fil-Jum Internazzjonali kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga, il-President George Vella appella lis- soċjetà Maltija biex tkun dejjem iżjed lesta biex tilqa’ lura fi ħdanha lill-persuni li kienu fil-vizzju tad-droga u li, wara l-kura meħtieġa, ħarġu mill-vizzju. 

Il-President qal dan waqt żjara li għamel lir-residenti fil-Komunità Santa Marija taħt it-tmexxija tal- aġenzija nazzjonali Sedqa f’Ħal Farruġ. Huwa saħaq fuq l-importanza li l-vittmi tad-droga ma jistħux, jew joqogħdu lura, milli jitkellmu dwar il-problema li jkunu daħlu fiha. Il-President spjega l-ħtieġa li l-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga għandu jservi biex individwi joħorġu aktar b’saħħithom psikoloġikament u aktar determinati minn qatt qabel. 

Filwaqt li rringrazzja lil kull min jifforma parti mill-Komunità Santa Marija, lill-amministrazzjoni u lir-residenti, il-President appella lill-awtoritajiet biex jedukaw aktar lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna dwar l-effetti ħżiena tad-droga sabiex jifhmu aktar it-tbatijiet ta’ dawk li jispiċċaw vittmi tal-vizzju. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-gvern irid jgħin lil kulħadd mingħajr ebda preġudizzju. Appella sabiex jinbnew aktar strutturi soċjali u professjonali li jilqgħu għall-isfidi differenti li ħafna drabi jkunu marbuta ma’ xulxin, bħall- vizzju tad-droga, l-użura, l-alkoħol u l-prostituzzjoni, fost oħrajn. 

Ekonomija

Sport