Sunday, December 22, 2024

Imfakkar il-Jum Nazzjonali għal min rebaħ il-battalja kontra l-kanċer

Aqra wkoll

Ittellgħet konferenza biex tfakkar il-Jum Nazzjonali għal min rebaħ il-battalja kontra l-kanċer, li matulha ġew diskussi s-servizzi offruti lill-pazjenti bil-kanċer f’Malta. Dawn is-servizzi jingħataw primarjament minn Mater Dei u miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, minn professjonisti speċjalizzati u dedikati fil-kura tal-kanċer, fejn jipprovdu kura, kompassjoni u tama lill-pazjenti.

Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal li dan il-jum mhux biss ifakkar is-sopravivenza mill-kanċer, imma huwa wkoll jum li jiċċelebra r-reżiljenza, it-tama u s-saħħa ta’ dawk li jiffaċċjaw l-isfidi tal-marda tal-kanċer.

Il-Ministru Abela spjega li fl-aħħar snin il-Gvern ħadem biex investa f’teknoloġiji ġodda sabiex ikompli jtejjeb is-servizz offrut mill-isptarijiet. Fakkar li fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun qed jibda jopera l-MR Linac fejn il-pazjenti se jibdew jingħataw servizz ta’ radjoterapija b’mod aktar preċiż għall-marda tal-kanċer.

Il-ministru semma wkoll li l-gvern qed jaħdem biex jiġu introdotti s-servizzi ta’ ‘Stereotactic radiotherapy’ li ser jippermetti trattamenti għall-kanċer b’aktar preċiżjoni u eżattezza, kif ukoll pjan li jiġi introdott is-servizz tal-‘brachytherapy’ għall-pazjenti b’kanċer tal-ġinekoloġija.

Saħaq li l-investiment li qiegħed isir mill-Gvern jirrappreżenta pass sinifikanti ’l quddiem fil-kura tal-kanċer għall-pazjenti Maltin. Dan l-investiment mhux qiegħed isir biss fl-Isptar Mater Dei u fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija iżda wkoll fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fir-Residenza San Vinċenz de Paul b’MRI u b’CT scanners ġodda li ser inaqqsu ż-żmien ta’ stennija għal dawk il-pazjenti kollha li jeħtieġu dawn is-servizzi.

“Kommessi li nkomplu l-ħidma tagħna lejn kura mtejba tal-kanċer, u dan qed nagħmluh billi ninvestu f’teknoloġija avvanzata, bid-dedikazzjoni bla waqfien tal-professjonisti tagħna, u viżjoni komuni ta’ futur aktar b’saħħtu”, temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

Ekonomija

Sport