Monday, February 3, 2025

IMFAKKAR IT-30 ANNIVERSARJU MIT-TRAĠEDJA TAL-UM EL FAROUD

“Tislima lil disa’ ħaddiema li ħarġu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u qatt ma rritornaw lura” - is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Aqra wkoll

Bħal-lum 30 sena ilu, seħħet it-traġedja tal-Um El Faroud li fiha tilfu ħajjithom disa’ ħaddiema tat-Tarzna.

Kien fit-3 ta’ Frar 1995 li t-tanker Libjan li kien iġorr fjuwil bejn il-pajjiż u l-Italja sploda waqt li sorġut fil-Baċir Numru 3 għat-tiswijiet.

Sebgħa mill-ħaddiema mietu mill-ewwel. Dawn kienu George Aquilina ta’ 24 sena minn Ħal Qormi, Charles Callus ta’ 46 sena mill-Belt, Mario Hales ta’ 39 sena mill-Imqabba, Simon Mifsud ta’ 26 sena mill-Birgu, Simon Pisani ta’ 22 sena mill-Imsida, Angelo Sciberras ta’ 51 sena minn Ħaż-Żabbar u Anthony Vassallo ta’ 29 sena minn Ħad-Dingli.

Paul Seguna ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ u George Xuereb ta’ 57 sena minn Ħal Qormi mietu ftit tal-jiem wara fl-Isptar San Luqa.

Fl-1998, il-bastiment ġie mgħarraq fl-inħawi ta’ Wied iż-Żurrieq u jservi bħala attrazzjoni għal diversi għaddasa.

Ilbieraħ filgħodu, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla organizza ċerimonja fi Triq Daħlet it-Tlett Ibliet biex tfakkar it-30 anniversarju minn din it-traġedja. Dawk preżenti poġġew kuruni tal-fjuri f’riġlejn il-monument li huwa ddedikat lill-ħaddiema tat-Tarzna li tilfu ħajjithom traġikament waqt xogħolhom fuq il-bastiment Um El Faroud.

F’kelmtejn li għamel is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius, huwa sellem il-memorja ta’ dawn ħutna li tilfu ħajjithom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Fi tmiem iċ-ċerimonja ndaqqet ukoll il-Last Post u nżammet minuta silenzju.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja u s-Segretarju tat-Taqsima GWU Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall.

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, is-Sur Bugeja qal li: “ninsabu hawn nagħtu ġieħ lil dawn id-disa’ ħaddiema li 30 sena ilu ħarġu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u qatt ma rritornaw lura. Il-GWU kull sena tfakkar din it-traġedja. Insellmu lill-vittmi u anke lill-familjari tagħhom.”

Min-naħa tiegħu, is-Sur Jesmond Marshall stqarr li hemm stejjer matul iż-żminijiet li kull meta jaħbat l-anniversarju tagħhom, kulħadd jiftakar fejn kien dakinhar. “Kulħadd jiftakar 30 sena ilu fejn kien meta sema’ bit-traġedja tal-Um El Faroud. Qegħdin hawn biex insellmu lil dawn il-ħaddiema f’għeluq it-30 anniversarju minn din it-traġedja. Gone but never forgotten. Il-familjari ma jinsew qatt lil dawn il-ħaddiema li marru biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u qatt ma rritornaw id-dar.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport