Friday, December 27, 2024

Imfakkar l-ewwel anniversarju mill-mewt tar-Reġina Eliżabetta ll

Aqra wkoll

Bħal dan il-ħin sena bdiet tiġri l-aħbar tal-mewt tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni fl-età ta’ 96 sena. Hija serviet f’din il-kariga għal 70 sena tant li ftit tax-xhur biss qabel il-mewt tagħha saru ċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażżjoni ta’ daqstant snin fuq it-tron.Ir-Reġina mietet fil-Kastell Balmoral fl-Iskozja, wara li sigħat qabel inħarġet stqarrija tgħid li r-Reġina tpoġġiet taħt osservazzjoni medika wara li t-tobba kienu inkwetati minħabba l-qagħda tas-saħħa tagħha. Mal-aħbar tal-kundizzjoni serja tagħha vjaġġaw minnufih biex ikunu madwarha binha l-Prinċep Karlu u t-tfal tiegħu, il-Prinċpijiet William u Harry, flimkien ma’ qraba oħra mill-familja Rjali.

Ir-Reġina Eliżabetta II twieldet fil-21 ta’ April tal-1926, f’Londra u ġiet inkurunata bħala Reġina tar-Renju Unit fit-2 ta’ Ġunju tal-1952. Matul it-tmexxija tar-Reġina Eliżabetta II, ftit wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-pajjiżi li kienu fl-Imperu bdew jieħdu l-indipendenza tagħhom u dawn bdew jingħaqdu fil-grupp tal-Commonwealth. Fost il-pajjiżi li kienu jaqgħu taħt il-monarkija tagħha kien hemm pajjiżna li sar Repubblika fl-1974. Matul it-tmexxija tagħha, ir-Reġina Eliżabetta II laħqet 15-il Prim Ministru fir-Renju Unit, bl-aħħar waħda tkun Liz Truss.

Ir-Renju Unit u d-dinja taw l-aħħar tislima lir-Reġina Eliżabetta II f’funeral statali fid-19 ta’ Settembru li għalih attendew presidenti, rejiet, prinċpijiet u prim ministri minn madwar id-dinja kollha. Għalih attendew ukoll miljuni ta’ persuni li mlew it-toroq ta’ Londra. Kienet ġurnata mimlija b’avvenimenti marbuta mal-funeral, fejn kollox beda kmieni filgħodu meta il-bibien ta’ Westminiser Hall, fejn kien hemm espost it-tebut tar-Reġina, ingħaqlu. Fil-jiem bejn l-aħbar tal-mewt tagħha u l-ġurnata tal-funeral kien hemm għexieren ta’ eluf ta’ persuni li damu sigħat sħaħ fil-kju – fosthom anke matul il-lejl – biex setgħu jagħtuha l-aħħar tislima. Hu kkalkulat li b’kollox kien hemm 300,000 persuna li żaru Westminister Hall sakemm it-tebut tar-Reġina dam espost u kien hemm persuni li saħansitra damu 17-il siegħa fil-kju.

Ekonomija

Sport