L-Erbgħa li għadda, Corrie Hermann, bint il-mużiċist u vittma tal-Olokawst Pál Hermann, indirizzat lill-Membri Parlamentari Ewropej f’sessjoni plenarja li fakkret il-Jum Internazzjonali li jfakkar l-Olokawst.
Il-President Roberta Metsola fetħet iċ-ċerimonja, li kienet qiegħda tfakkar ukoll it-80 anniversarju mil-liberazzjoni tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau fis-27 ta’ Jannar.
“Li niftakru hu dmir tagħna. Għandna r-responsabbiltà li naraw li “qatt aktar” ma tkunx biss wiegħda fiergħa. Dan il-Parlament Ewropew jibqa’ jiftakar dejjem. U se ngħidu tagħna dejjem – hekk kif għallmitna l-ewwel President mara tagħna Simone Veil, li hi stess għaddiet minn dawk iż-żminijiet. Il-legat tagħha jfakkarna li n-newtralità tgħin biss lill-oppressur, qatt lill-vittma. Dan il-Parlament dejjem jaqbeż għad-dinjità. Għat-tama. Għall-umanità”, qalet Metsola. Id-diskors tal-President Metsola kien segwit b’silta mużikali biċ-ċello, Gagliano oriġinali, ta’ Hermann.
Fid-diskors tagħha, Corrie Hermann irrakkontat l-istorja tagħha ta’ kif missierha, il-kompożitur u mużiċist taċ-ċello Ungeriż Pál Hermann, li kien meqjus bħala wieħed mill-aħjar mużiċisti taċ-ċello ta’ żmienu, inqatel min-Nażisti fl-1944. “Din l-istorja ta’ wieħed mill-vittmi tal-Olokawst hija ddedikata lil kull wieħed u waħda mis-sitt miljun vittma li qegħdin infakkru llum”, hija qalet.
Hermann tkellmet dwar il-ħajja ta’ missierha bħala mużiċist, mit-tagħlim li ħa fl-Akkademja Franz Liszt f’Budapest sal-kunċerti mużikali fl-aktar teatri prestiġjużi madwar l-Ewropa. Wara li ħarab lejn il-Belġju u Franza, huwa kien arrestat f’Toulouse waqt spezzjoni fit-triq f’April 1944. Minn hemm ittieħed lejn Drancy, kamp viċin Pariġi minn fejn kienu jitilqu l-vjaġġi lejn il-kampijiet ta’ konċentrament. Minn hemm ġie ddeportat lejn il-kamp ta’ konċentrament ta’ Kaunas fil-Litwanja. Hekk kif it-tren kien qed jistenna fl-istazzjon, irnexxielu jwaddab nota barra t-tieqa fejn talab li jsalvawlu ċ-ċello Gagliano tiegħu. Din in-nota nstabet u ntbagħtet lil ħatnu, li bidel il-Gagliano ma’ strument ieħor u ħarab biċ-ċello marbut ma’ dahru. “Ma nafux x’ġara wara, imma l-priġunieri li ġew lura wara l-gwerra mid-900 li ttieħdu tgħoddhom fuq subgħajk.”
Minkejja d-destin traġiku ta’ Hermann, il-mużika tiegħu tibqa’ tispira n-nies madwar id-dinja. Aktar minn 80 sena wara mewtu, iċ-ċello Gagliano tiegħu nstab mill-ġdid u l-kompożizzjonijiet tiegħu ndaqqu minn artisti internazzjonali rinomati. “Hitler ħaraq il-kotba, kisser pitturi, u qatel miljuni ta’ nies; imma l-mużika tibqa’ ħajja,” qalet Corrie Hermann.
Wara d-diskors, il-MPE osservaw minuta silenzju. Iċ-ċerimonja ntemmet bid-daqq tas-silta “Kaddish” minn Maurice Ravel.
Dwar Pál u Corrie Hermann
Pál Hermann twieled fis-27 ta’ Marzu 1902 f’Budapest u kien mużiċist taċ-ċello u kompożitur magħruf. Fl-għoxrinijiet mar Berlin u daqq iċ-ċello tiegħu Gagliano madwar l-Ewropa. Fl-1933, Hermann ħarab lejn il-Belġju u aktar tard lejn Franza. Wara li ġie arrestat min-Nazisti f’Toulouse fl-1944, Hermann inqatel ftit xhur wara fil-Litwanja.
Corrie (Cornelia) Hermann, twieldet f’Amersfoort (l-Olanda) fl-4 ta’ Awwissu 1932. Hija tabib, illum irtirata, u kienet ukoll politiku. Fl-1996, hija ħolqot il-Fond Paul Hermann biex tgħin mużiċisti taċ-ċello professjonali żgħażagħ.