F’għeluq il-31 anniversarju mit-traġedja tal-Um El Faroud, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla organizza ċerimonja ta’ tifkira f’ġieħ id-disat irġiel li tilfu ħajjithom traġikament.
Din iċ-ċerimonja saret fi Triq Daħlet it-Tlett Ibliet, Bormla, biswit il-monument li huwa ddedikat lill-ħaddiema tat-Tarzna li tilfu ħajjithom traġikament waqt xogħolhom fuq il-bastiment Um El Faroud.

Kien fit-3 ta’ Frar 1995 li t-tanker Libjan li kien iġorr fjuwil bejn il-pajjiż u l-Italja sploda waqt li sorġut fil-Baċir Numru 3 għat-tiswijiet.
Sebgħa mill-ħaddiema mietu mill-ewwel. Dawn kienu George Aquilina ta’ 24 sena minn Ħal Qormi, Charles Callus ta’ 46 sena mill-Belt, Mario Hales ta’ 39 sena mill-Imqabba, Simon Mifsud ta’ 26 sena mill-Birgu, Simon Pisani ta’ 22 sena mill-Imsida, Angelo Sciberras ta’ 51 sena minn Ħaż-Żabbar u Anthony Vassallo ta’ 29 sena minn Ħad-Dingli.
Paul Seguna ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ u George Xuereb ta’ 57 sena minn Ħal Qormi mietu ftit tal-jiem wara fl-Isptar San Luqa.
Fl-1998, il-bastiment ġie mgħarraq fl-inħawi ta’ Wied iż-Żurrieq u jservi bħala attrazzjoni għal diversi għaddasa.
Għaċ-ċerimonja tal-bieraħ kien hemm preżenti membri tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla, diversi għaqdiet Bormliżi u qraba tal-vittmi. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli u s-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield.
F’isem il-General Workers’ Union attendew is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, il-President Jason Deguara, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall u l-Assistent Segretarju tat-Taqsima George Zahra.


