Monday, November 11, 2024

Imħabbar il-pjan ta’ mobilità attiva fuq livell nazzjonali

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon ħabbru pjan ta’ mobilità attiva aktar sigura madwar Malta.

L-iskop ta’ dan il-pjan, li jinkludi investiment infrastrutturali sinifikanti b’mod partikolari f’żoni urbani, huwa li jipprovdi għażliet aħjar għal min jivvjaġġa biex tingħata prijorità lill-mobilità attiva.

Il-pjan jinkludi fih rotot ġodda li mhux biss se jgħaqqdu l-postijiet, iżda se joffru wkoll il-possibbiltà li jintgħażlu modi differenti ta’ trasport. Dan għaliex se jkollhom konnettività aħjar u aċċess aħjar għat-trasport pubbliku u hubs ġodda ta’ mobilità. Dan se jsir billi tiġi adottata infrastruttura li tkun xierqa u sigura għall-utenti, filwaqt li wieħed jingħata ċ-ċans li jagħżel l-aktar konnessjonijiet li jkunu diretti u kontinwi.

Ir-rotot għandhom l-iskop ukoll li jgħaqqdu spazji ħodor ma’ żoni meqjusa traffikużi sabiex l-esperjenza tkun waħda aħjar. B’dan il-mod se jkomplu jtejbu l-ispazji urbani u joħolqu postijiet pubbliċi li jista’ jgawdi kulħadd.

Ġie spjegat ukoll li l-ewwel fażi ta’ dan il-pjan se jiffoka fuq il-konnessjonijiet bejn Sa Maison, il-Belt Valletta u s-Sea Terminal tal-Passiġġieri li jkopru tul ta’ 3km. Din iż-żona tinkludi konnessjonijiet importanti bħall-Belt Valletta, il-periferija tal-Ħamrun u s-Sea Terminal tal-Passiġġieri.

Il-Ministru Aaron Farrugia tenna l-importanza ta’ dawn ir-rotot ta’ mobbiltà attiva u l-mod kif dan il-pjan se jkun qiegħed jindirizza l-bidla tant meħtieġa fil-mobilità f’pajjiżna.

“Permezz ta’ dan il-pjan, li se jsir b’investiment totali ta’ €35 miljun, qed noffru lin-nies alternattivi realistiċi għall-vetturi privati tagħhom. Rotot siguri, b’infrastruttura adekwata biex in-nies jagħmlu użu minn modi alternattivi ta’ trasport. Permezz ta’ dan il-pjan, qed infittxu li nindirizzaw bidla fil-mentalità u ngħinu lin-nies jifhmu li hemm alternattivi aħjar għall-vettura privata, u li qed noffru l-infrastruttura għalihom,” ikkonkluda l-Ministru Farrugia.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm periti minn Daniel Scerri Periti u JP Architects. L-għaqdiet Rota u Bulletproof kienu preżenti wkoll.

Sport