Wednesday, December 25, 2024

Imħabbar investiment bla preċedent f’proġetti ambjentali taħt il-kunċett ta’ ‘Green & Blue Infrastructure’

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Investiment bla preċedent f’proġetti ambjentali taħt il-kunċett ta’ ‘Green & Blue Infrastructure’ fi tliet żoni urbani fi tliet lokalitajiet, ġie mħabbar permezz ta’ ħidma tal-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet.

Iż-żoni huma;

– Housing Estate, il-Ħamrun;
– Triq Vjal L-Indipendenza, il-Mosta;
– Triq il-Wied, Ħal-Qormi.

Il-Ministru Aaron Farrugia spjega li, filwaqt li dan il-proġett se jkun qed jiffoka fuq l-ispazju urban, hemm element ta’ diversità fit-tliet siti magħżula, biex inħaddru ż-żoni fejn n-nies jgħixu, jaħdmu u jirrikreaw irwieħhom.

“F’Ħal-Qormi, l-intervent se jsir fl-inħawi tal-wied magħruf għall-ammont ta’ xita li jilqa’ fix-xitwa; fil-Ħamrun, il-proġett se jkun fil-qalba tal-komunità u f’post fejn jgħixu mijiet ta’ familji; fil-Mosta, triq prinċipali li hija wkoll ikkunsidrata bħala żona kummerċjali,” qal il-Ministru Farrugia. 

Il-Ministru spjega li l-interventi se jsiru permezz ta’ design and build competition fost professjonisti, li minnha se jintgħażlu l-aktar proposti li għandhom benefiċċji ambjentali u għas-saħħa tar-residenti. “Pajjiżna għandu bżonn proġetti li verament jaqblu mal-viżjoni tagħna li ndawwru infrastruttura griża għal dik ħadra (Grey to Greenu li verament jibbenifikaw is-saħħa tar-residenti tagħna u l-benesseri ta’ kulħadd. B’hekk, qed inħarsu lejn modi inqas tradizzjonali, anke għax wasal iż-żmien biex nirrevoluzzjonaw il-kunċett ta’ ppjanar intelliġenti f’pajjiżna,” qal il-Ministru. 

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tenna li l-fondi għal dan il-proġett pilota se jkunu mgħoddija mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali (NDSF) sabiex inkomplu nsostnu l-ħarsien tal-komunitajiet tagħna u ntejjbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti fl-istess komunitajiet. “Qed inkomplu naraw kemm l-fondi ġġenerati mill-Programm tal-Investitur Individwali jkunu ta’ siwi u importanza sabiex noħolqu proġetti li minnhom jgawdi l-pubbliku inġenerali, u dan billi ninvestu fl-ambjent li ngħixu fih,” huwa saħaq.

Din l-inizjattiva se tkun immexxija mill-Ministeru għall-Ambjent flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Ambjent Malta u l-Kamra tal-Periti. 

Il-proġetti se jiġu ffinanzjati minn fondi nazzjonali li jikkontribwixxu direttament għal żvilupp soċjali sabiex jiġu mħarsa l-komunitajiet f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport