Il-kumpanija multinazzjonali mill-Indja Torrent Pharmaceutical Group ngħatat allokazzjoni ta’ spazju biex tkun tista’ tinvesti €22 miljun f’fabrika tal-farmaċewtika li allura se tkun qed toħloq 120 karriera ġdida.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru Miriam Dalli u l-Ministru Silvio Schembri, Dr Abela rringrazzja lil din il-kumpanija talli għażlet lil Malta bħala l-bażi tagħhom fl-Ewropa. Qal li f’pajjiżna se jsibu mhux biss post tajjeb ħafna biex tagħmel in-negozju iżda wkoll post fejn jistgħu jsejħu bħala d-dar tagħhom. Fisser li dan l-investiment ta’ €22 miljun se jkun qed joħloq aktar minn 120 karrieri ġodda.
Tkellem dwar il-fatt li Torrent Pharma tinsab fl-ewwel post bħala kumpanija farmaċewtika Indjana fil-Ġermanja, fil-Brażil u wkoll fil-Filippini bi preżenza vasta globali.
Qal ukoll li l-viżjoni ekonomika fit-tul ta’ pajjiżna, ma tikkonsistix biss f’impjiegi għall-poplu tagħna iżda li jiġu ippremjati wkoll karrieri sinifikanti. Fost l-oħrajn osserva punt importanti ieħor dwar il-fatt li dan l-investiment sar possibbli matul il-pandemija, fejn forsi ħafna kienu joqgħodu lura, imma grazzi għall-kuraġġ u r-reżiljenza ta’ din il-kumpanija dan l-investiment sar possibli. Dr Abela rringrazzja wkoll il-ħidma li saret min-naħa tal-Malta Enterprise li grazzi għaliha kien iffaċilitat il-proċess għal dan l-investiment f’pajjiżna.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru Miriam Dalli fissret dan il-proġett bħala wieħed importanti ħafna.
Qalet li s-setturi tal-farmaċewtika u tax-xjenzi tal-ħajja huma tabilħaqq faċilitatur ewlieni tat-tkabbir għall-ekonomija tagħna, settur li jipprovdi karrieri ta’ kwalità u opportunitajiet ta’ titjib fil-ħiliet għal aktar minn 1,100 impjegat.
Tkellmet dwar il-fatt li s-sena li għaddiet biss, minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, din l-industrija rreġistrat tkabbir impressjonanti ta’ 7.3% f’opportunitajiet ta’ impjiegi. Assigurat li Malta hija miftuħa għan-negozju u li se jkunu lesti li joffru l-appoġġ kollu meħtieġ.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri tkellem dwar il-fatt kemm Malta uriet reżiljenza b’mod speċjali matul il-pandemija tant li fost l-oħrajn pajjiżna ġie deskritt bħala “champion”.
Qal li għalhekk, il-grupp Torrent ibbażat f’Malta jsaħħaħ il-viżjoni li għandhom bħala Gvern biex ikomplu jsostnu s-settur tas-saħħa.
“L-investiment sostanzjali ta’ €22 miljun fuq art ta’ 1,500 metru kwadru se joħloq 120 impjieg ta’ kwalità. Dan juri l-fiduċja tagħkom fil-ġurisdizzjoni tagħna,” qal il-Ministru Schembri.
Fisser li x-xogħlijiet fuq dan il-proġett se jibdew mix-xahar id-dieħel u huwa mbassar li jiġu konklużi fit-tielet kwart tas-sena d-dieħla. Fost l-oħrajn, dawn se jinkludu wkoll laboratorju ta’ 2,700 metru kwadru.
Min-naħa tiegħu, il-General Manager ta’ Torrent Malta Frederick Schembri qal li Torrent Pharmaceutical hija waħda mill-kumpaniji farmaċewtiċi ewlenin fl-Indja u għandha preżenza f’aktar minn 40 pajjiż.
Huwa nnota l-appoġġ kbir mill-Gvern u l-aġenziji tal-gvern prinċipalment Malta Enterprise, Indis u l-Awtorità Maltija tal-Mediċini.